'Qabad jagħtini bil-ponn u bis-sieq anke jekk xtaqt ngħinu' - Pulizija jirrakkonta

Ikompli l-każ tar-raġel akkużat li ħebb għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija li xtaqu jgħinuh

‘Qabad jagħtini bil-ponn u bis-sieq anke jekk xtaqt ngħinu.” Hekk qal uffiċjal tal-Pulizija meta kien qed jixhed fil-każ ta’ Libjan li qed ikun akkużat li weġġa’ u gidem żewġ uffiċjali tal-Pulizija li ppruvaw jgħinuh.

Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija kienu sabu lir-raġel mixħut fuq crash barrier, mitluf minn sensih u sakemm kienu qed iċemplu għall-għajnuna, dan qam f’salt u ħebb għalihom.

Il-Pulizija rrakkuntaw li għall-bidu ħasbu li kien ittajjar, anke għax kellu diversi feriti f’wiċċu.

Iżda, kompla jixhed wieħed mill-uffiċjali, f’salt wieħed ir-raġel qam beda jgħajjat “Allahuakbar” u ħebb għalihom.

“Qam malajr ħafna…tar,” xehed il-Pulizija. “Qam u beda jiġri lejja jgħajjat Allahuakbar. Beda jagħtini bis-sieq u bil-ponn. Spjegajtlu li ppruvajna ngħinuh imma baqa’ jħebb għalija. Kellna nużaw taser gun biex nikkalmawh imma lanqas b’hekk ma stajna nikkontrollawh, qisu lanqas ħassu.”

Il-Pulizija kellhom jitfgħu lir-raġel mal-art biex jarrestawh u ħaduh l-għassa.

Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija kellhom diversi grif u anke marki tal-gdim fuq idejhom, tant li kellhom jingħataw il-kura. Fuq l-akkużat saru wkoll xi testijiet biex ikun stabbilit jekk kellux xi mard li jista' jkun trasmess bil-bżieq, iżda dawn irriżultaw fin-negattiv.

Anke jekk ir-raġel deher li ma kienx f’siktu, il-Pulizija ma setgħux jikkonkludu x’ġaralu.

L-Ispettur li qed imexxi l-Prosekuzzjoni qal li l-akkużat qalilhom biss li wara li mar il-Moskea ma jiftakar xejn aktar.

More in Qrati u Pulizija