Għawdxi li ilu mfittex ħames snin x'aktarx qiegħed l-Istati Uniti

Il-Kummissarju jispjega fil-Qorti kif l-Interpol infurmat lill-Pulizija Maltija li l-akkużat x'aktarx jinsab f'Michigan

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, spjega fil-Qorti kif Għawdxi li ilu mfittex ħames snin wara li falla milli jħallas it-taxxa, x’aktarx li ħarab mill-pajjiż lejn l-Istati Uniti.

Ir-raġel min-Nadur, huwa akkużat li ma ħallasx il-kontribuzzjoni tal-bolla u l-FSS tal-impjegati tiegħu, iżda fl-aħħar ħames snin l-awtoritajiet ma rnexxilhomx iħarkuh biex jidher il-Qorti.

Fi Frar li għadda, il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li l-akkużat ma seta’ jinstab imkien, bil-Maġistrat Ian Farrugia jiddikjara li jekk ir-raġel ma jinstabx sas-smigħ ta’ wara, il-Kummissarju kellu jidher u jwieġeb f’isem il-persuna.

Kien għalhekk li l-Kummissarju tela’ l-Qorti u spjega kif l-indikazzjonijiet huma li r-raġel ħarab lejn l-Istati Uniti u kif il-Crime Intelligence Unit ingħata l-inkarigu biex jinvestiga l-każ.

Jidher li kienet l-Interpol li infurmat lill-Pulizija Maltija li l-akkużat x’aktarx jinsab l-Istati Uniti u qed jgħix fl-istat ta’ Michigan.

Skont il-Kummissarju, bint l-akkużat ukoll infurmat lill-Pulizija li missierha telaq lejn l-Amerika u qatt ma rritorna.

Ir-raġel ilu jiġi mfittex mill-2014 wara li falla milli jħallas multa imposta mill-Qorti.

Il-każ ikompli.

More in Qrati u Pulizija