Aġġornata | 'Nies tilfu l-appuntamenti tal-kimoterapija'; Jammetti li għamel theddida falza

Il-Qorti mistennija tagħti s-sentenza aktar tard illum

Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta' €20,000 wara li ammetta li nhar it-Tlieta li għada għamel telefonata b’theddida falza ta’ bomba abbord vapur tal-Gozo Channel.

Fil-Qorti, l-Avukat tal-Kumpanija saħaq li bl-aġir tiegħu, l-akkużat waqqaf l-ekonomija ta’ Għawdex.

“Nies tilfu t-titjiriet u l-appuntamenti tal-kimoterapija,” saħaq l-Avukat waqt li insista mal-Qorti li dan l-aġir ma jistax ikun aċċettat.

Minħabba t-telefonata, il-vapuri tal-Gozo Channel kellhom jiefqu jaħdmu għal aktar minn tliet sigħat.

L-Avukat tal-akkużat saħaq li r-raġel ma ħasibx dwar il-konsegwenzi tat-telefonata.

Saħaq li jekk jeħel il-ħabs ir-raġel jista’ jaqa’ fin-nassa tal-kriminalità waqt li fakkar li f’każi simili, l-akkużati ġeneralment ingħataw multa jew inkella ġew ordnati jagħmlu xogħolijiet fil-komunità.

Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Aaron Bugeja tah il-ħelsien mill-arrest u talab rapport biex jevalwa l-istat psikoloġiku tal-akkużat qabel ma jagħti s-sentenza finali tiegħu.

 

More in Qrati u Pulizija