Għall-ħabs wara li kellu maħżen tal-armi fil-karozza

Ir-raġel qal li kien qed iġorr l-armi għax ġieli kien mhedded u għax kellu fuqu €25,000 f’ġojjelerija

Raġel ingħata sentenza ta’ 10 xhur ħabs wara li wieġeb ħati li fil-karozza tiegħu kellu ħażna żgħira ta’ armi.

Daniel Briffa tressaq il-Qorti akkużat li kien fil-pussess ta’ armi mingħajr liċenzja u li kien qed iġorrhom fil-pubbliku.

Dan apparti akkużi oħra ta’ sewqan traskurat u perikoluż.

Huwa kien twaqqaf minn pulizija tar-Rapid Intervention Unit wara li deher isuq b’mod suspettuż.

Fil-karozza nstabu armi tan-nar, sikkina, u arma oħra li taqta’ fost oħrajn.

Meta mistoqsi għalfejn kien qed iġorr dawk l-armi kollha qal li ġieli kien mhedded u kien liebes ħafna affarijiet tal-ġojjelerija.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innutat kif il-Pulizija naqset meta ma investigatx minn fejn ġie d-deheb li kien liebes l-akkużat ġaladarba ma jaħdimx.

Skont l-akkużat, kellu fuqu madwar €25,000 f’ġojjelerija.

Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu kkonfiskati l-armi kollha u anke pprojbitu milli jkollu liċenzja għall-armi tan-nar fil-5 snin li ġejjin.

More in Qrati u Pulizija