Il-Vojt qal li kien qed jiddefendi lilu nnifsu meta ta bis-sikkina

Etienne Bartolo qal kif iltaqa' mal-vittma biex jixtri d-droga mingħandu, imma mbagħad qallu li ma kellux flus fuqu

Etienne Bartolo magħruf bħala 'l-Vojt' sostna mal-pulizija li meta hu ta daqqiet ta' sikkina lil Roderick Grech, hu kien qed jagħmel dan biex jiddefendi lilu nnifsu.

Fil-Qorti, Bartolo ta' 36 sena qed jiġi akkużat li qatel lil Roderick Grech lura fid-29 ta' Marzu f'Birkirkara b'daqqiet ta' sikkina.

Il-Vojt qal lill-pulizija li ta bis-sikkina biex jiddefendi lilu nnifsu. Is-Surġent Brady Zammit, li kien qed jixhed f'dan il-każ, qal kif Bartolo kien qalilhom li kien ftehem ma' Grech biex jixtri d-droga mingħandu. Minkejja dan, meta kienu fil-karozza, 'il-vojt' qallu li ma kellux flus fuqu dak il-ħin.

Zammit qal ukoll kif Bartolo qal lill-Pulizija li l-vittma tah daqqa ta' ponn fuq spalltu, u Bartolo bil-biża', ħareġ sikkina biex jiddefendi lilu nnifsu, tah biha u ħarab minn fuq il-post.

Is-Surġent Zammit qal ukoll kif meta saret tfittxija fid-dar ta' Bartolo, instab żarbun li kien imċappas bid-demm.

L-Avukati Franco Debono, Yanika Vidal u Angie Muscat qed jidhru parte civile għall-familja ta' Grech, waqt li l-avukat Edward Gatt qed jidher għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija