L-iswing ta' votanti li baqgħu jabbandunaw lill-PN fis-South ... Imma għaliex?

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-riżultati elettorali mill-2008 sal-2022 u tqabbel. Huwa ċar li s-sitwazzjoni tal-PN fin-nofsinhar ta' Malta kompliet tiggrava. Imma għaliex? 

Il-PN kompla jitlef il-voti fin-nofsinhar ta' Malta
Il-PN kompla jitlef il-voti fin-nofsinhar ta' Malta

Il-Partit Nazzjonalista tilef xejn inqas minn 9,739 vot mid-distretti meqjusin aktar fin-naħa ta' isfel ta' Malta, f'dawn l-aħħar 14-il sena, jiġifieri mill-2008 sal-elezzjoni ta' din is-sena li issa ilha prattikament xahar li saret. Il-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn ix-xejriet ċari li ħarġu fl-aħħar elezzjonijiet u allura fejn il-partiti qed jaraw l-aktar telf, speċjalment il-PN li ilu mill-2009 jitlef kull elezzjoni fuq bażi nazzjonali b'distakki ta' aktar minn 33,000 vot. 

Ħarsa lejn l-ewwel sitt distretti elettorali li jinkludu n-naħa ta isfel ta' Malta u ż-żona tal-Port il-Kbir - diġà tradizzjonalment aktar Laburisti - raw d-distakk bejn il-partiti jitla' minn 26,095 vot fl-2008 għal 46,301 fl-2022 - jiġifieri rdoppja. Fl-2017 id-differenza bejn il-partiti fl-ewwel sitt distretti kienet ta' 44,842 vot, ftit inqas minn dak fl-elezzjoni ta' din is-sena. 

Ħarsa lejn dawn id-distretti li fihom hemm ħafna lokalitjiet fejn il-Partit Laburista minn dejjem kien b'saħħtu ħafna bħaż-Żejtun, Żurrieq, Marsa, Raħal Ġdid, Bormla, Birgu, l-Isla, Ħaż Żabbar, Fgura, Ħal Qormi, Birżebbuġa, Marsaxlokk u Ħal Luqa, turi illi l-PN baqa' jara xejra inkwetanti l-isfel u tnaqqis qawwi fl-appoġġ f'din iż-żona ta' Malta. Fil-fatt huwa ċar, meta wieħed jara n-numri, illi f'dawn id-distretti u lokalitajiet il-Partit Laburista ssaħħaħ f'kull każ, filwaqt li l-PN iddgħajjef f'kull każ. 

L-ewwel distrett bl-akbar swing kontra l-PN u favur il-Labour

L-aktar distrett li għandu għaliex jinkwieta lill-PN huwa l-Ewwel Distrett li jinkludi lill-Belt Valletta, Furjana, Ħamrun u Marsa - fejn minn 10,586 vot fl-2008 il-Partit Nazzjonalista ċekken il-vot globali tiegħu għal 8,144 - jiġifieri tnaqqis ta' 2,442 vot. Dan filwaqt li l-Partit Laburista żied bi kważi l-istess numru ta' voti jew 2,357 vot. Dan kien l-akbar swing kontra l-PN u favur il-PL, f'distrett li fih hemm il-Belt Valletta fejn normalment il-PN kien jikseb maġġoranza. 

Fl-2008 il-PN kien kiseb 49.2% u l-PL 49.7% - u allura kien id-distrett li fih ġew fost l-aktar qrib il-partiti u l-aktar distrett li kien qed jirrapreżenta r-riżultat elettorali nazzjonali  - għal 37.6% għall-PN u 60% għall-PL din is-sena. 

It-tieni l-akbar swing kien fit-Tielet Distrett li jinkludi liż-Żejtun, Marsaxlokk (li qabel kien mal-5 Distrett) u Ħal Għaxaq  - lokalitajiet b'maġġoranzi Laburisti qawwija ħafna - pero' wkoll Wied il-Għajn fejn il-preżenza tal-PN hija ftit akbar. Hawnhekk il-PN tilef 1,726 vot u l-PL iggawadanja 1,713-il vot bil-persentaġġi jinbidlu minn 35.7% għall-PN fl-2008 għal 27.7% fl-2022 u minn 62.5% għal 69% għall-Partit Laburista. 

It-tielet l-akbar swing seħħet fis-sitt distrett li jinkludi lil Ħal Luqa u Ħal Qormi - żewġ lokalitajiet tradizzjonalment Laburisti - imma wkoll il-lokalità tas-Siġġiewi fejn sa qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli tal-2019 il-PN dejjem kiseb maġġoranza. Hawnhekk il-PL żied il-voti tiegħu minn 12,090 fl-2008 jew 53.6% għal 14,106 biex laħaq il-perċentwal ta' 60.6% fl-2022, ftit aktar mid-59.4% li kiseb fl-2017. Il-PN naqqas 1,538 vot mill-2008 u reġa' naqqas ftit mijiet bejn l-2017 u l-2022 biex minn 10,215-il vot (45.3%) fl-2008 niżel għal 8,677 vot (37.3%) fl-2022. 
Swings konsiderevoli oħra seħħew fit-Tieni, Raba' u Ħames Distrett fejn imqabbel mal-2008 il-PN tilef 1,115-il vot, 1,545 vot u 1,373 vot rispettivament. Dan filwaqt li l-Labour żied il-voti f'kull każ meta mqabbel mal-2008: +1,396 fit-Tieni Distrett, +1,711-il vot fir-raba' distrett u +1,294 vot fil-Ħames Distrett. 

Bernard Grech
Bernard Grech

Numerikament l-inqas illi naqqas il-PN kien fit-Tieni Distrett, iżda dan ġara minn proporzjon diġà żgħir ta' voti fl-uniku distrett li fih il-PL kien itella' erba' siġġijiet sa qabel l-2013. Hawnhekk il-PN ra l-vot tiegħu jonqos minn 32% fl-2008 għal 26.3% u l-Labour iżid minn 66.7% għal 71.2%.

Il-vot totali tal-Partit Nazzjonalista f'dawn is-sitt distretti niżel b'mod konsiderevoli f'dawn l-14-il sena: minn 52,846 fl-2008 għal 46,301 vot fl-2022.

Il-vot totali tal-Partit Laburista żdied bil-qawwi, għalkemm naqas xi ftit ukoll bejn l-2017 u l-2022. Minn 78,941 vot fl-2008 il-Partit Laburista kiseb 92,884 vot fl-2017 u madwar 3,400 vot inqas fl-2022 għal total ta' 89,408 voti. Dan ifisser li fil-perjodu ta' żmien li qed inħarsu lejh il-vot Laburista fin-nofsinhar tal-pajjiż u parti miċ-ċentru u allura fl-ewwel Sitt Distretti żdied b'10,467. 

Raġunijiet għal dan ir-riżultat

Il-Partit Nazzjonalista qatt ma kien b'saħħtu wisq f'dawn id-distretti iżda kif jixhdu dawn in-numri s-saħħa tiegħu fin-nofsinhar kompliet tonqos drastikament, bid-distakk bejn il-partiti jiżdied b'20,000 vot, filwaqt li l-Partit Laburista jkompli jissaħħaħ. 

Dawn id-distretti allura jistgħu jitqiesu bħala kruċjali biex il-Partit Laburista jibqa' jżomm il-livell qawwi ta' appoġġ li ilu jżomm mill-2009. 
F'termini ta' siġġijiet il-Labour kien jikseb ir-raba' siġġu biss fit-tieni distrett sa qabel l-2013, iżda f'dawn l-aħħar elezzjonijiet rebaħ ir-raba' siġġu fit-Tielet u r-Raba' distretti wkoll. Dan filwaqt li rebaħ ir-raba' siġġu fil-Ħames Distrett fl-2013, tilfu fl-2017, imma reġa' rebħu fl-elezzjoni ta' din is-sena biex b'hekk il-PL għandu erba' siġġijiet f'erba' distretti, filwaqt li l-PN ma għandu ir-raba' siġġu f'ebda distrett. 
Ir-raġunijiet jistgħu jkunu bosta. 

1 - L-ewwelnett hemm ir-realtà ta' nies li jiċċalalqu minn post għall-ieħor. Dan l-effett huwa newtralizzat hekk kif qed jeskludi dawk li ċċaqalqu u marru lejn lokalitajiet li huma f'dawn is-sitt distretti. Iċ-ċaqlieq soċjali wkoll ftit jista' jkun raġuni b'saħħitha biex tispjega xejra ċara  kontinwa 'l isfel għall-PN u 'l fuq għal Labour fin-nofsinhar ta' Malta

2 - Gvern Laburista - taqbel jew le miegħu - huwa meqjus illi wettaq proġetti li kien hemm bżonnhom fin-nofsinhar - speċjalment f'lokalità bħal Birżebbuġa, fejn sar piċċ tal-futbol, piċċ tal-waterpolo, toroq, beda il-proġett tax-Shore-to-ship, l-ewwel promenade fil-Qajjenza u ingħalaq l-impjant taż-żejt. Dan apparti wegħdi ta' proġetti minflok il-pont tax-shell u anke minflok l-impjant tal-gass fil-Qajjenza u family park b'Bengħisa. 

Imma l-Gvern fil-fatt wettaq diversi proġetti oħrajn: Skola primarja u piċċ tal-futbol f'Wied il-Għajn, fejn il-Gvern ta' Abela kien ikkritikat - għalkemm imbagħad waqqaf - il-bini ta' marina, it-terminazzjoni tal-operat tal-Power Station tal-Marsa u t-tneħħija taċ-ċmieni u l-użu tal-Heavy Fuel Oil, bl-eliminazzjoni tat-trab iswed li kien problema kbira fl-inħawi, it-tlestija tal-proġett ta' Dock 1 f'Bormla li kien tħalla għal rieħu mill-Gvern tal-PN, l-għeluq tal-Power Station ta' Delimara u proġetti kbar ta' toroq, primarjament dak tal-Marsa Junction u Triq Aldo Moro, l-Underpass u t-toroq ħdejn Santa Luċija u l-proġett tat-triq f'Ħal Luqa. U l-lista fil-verità tkompli b'bidliet u titjib fil-qalba tal-irħula, minn pjazza ġdida u toroq arterjali fl-Imqabba, għall-pjazza ta' Raħal Ġdid u promenade f'Wied iż-Żurrieq kif ukoll l-għeluq tal-Miżbla ta' Wied Fulija, li inbidlet f'Family Park. 

3 - Il-Partit Laburista kellu kandidatura b'saħħitha immens, speċjalment fuq it-Tieni, il-Ħames u s-Sitt Distretti fejn kellek elenku qawwi ta' Ministri li kienu organizzati, li kellhom uffiċini u kuntatt ma jiqafx man-nies u li kienu jafu sew fejn huma l-problemi u x'inhuma dawn il-problemi. Il-kandidatura kienet ukoll diversa ħafna: Mill-Ministru li jgħin soċjetajiet tal-banda u l-festi - tant popolari f'dawn id-distretti, għal kandidati iktar voċiferi fuq l-ambjent u oħrajn diġà stabbiliti bħala Sindki, kif ukoll kandidati li ġejjin minn negozju jew oħrajn b'xejra aktar teknokratika. Il-PN kellu lista ta' kandidati li ma kinitx b'saħħitha biżżejjed. Tilef lil Claudio Grech fl-Ewwel Distrett, kellu lista limitata ħafna fit-tieni u t-tielet distretti u fil-Ħames distrett tilef ukoll lil Hermann Schiavone, li kien xi ftit jew wisq stabbilit. Ir-riżultat juri illi l-kandidatura, anke jekk kellha xi uċuħ ġodda, ma kellhiex għeruq fondi u b'saħħithom biżżejjed biex tilqa' għall-interessi lokali u settorjali ta' diversi votanti. 

Naturalment il-kandidatura tal-PL fin-nofsinhar kienet imbuttata 'l quddiem b'Ministri bħal Chris Fearne, Silvio Schembri, Ian Borg, Roderick Galdes, Clyde Caruana, Miriam Dalli, Owen Bonnici, Byron Camilleri flimkien ma' persuni ġodda bħal Jonathan Attard, Alison Zerafa Civelli, Keith Azzopardi Tanti u Oliver Scilcuna - li lkoll offrew taħlita ta' esperjenza, għeruq fondi, uċuh ġodda u kuntatti estensivi flimkien mal-poter meħtieġ biex nies jiġu mgħejjuna/moqdija f'xi problema li setgħu kellhom. Il-PN ma kellux din it-taħlita, għajr f'dawk id-distretti tradizzjonalment PN. 

Biex tgħaxxaq minn dawn id-distretti l-PN tilef ukoll lil Clyde Puli u lil Mario Galea, b'dan tal-aħħar saħansitra jgħid illi l-PN għamillu ħajtu infern.

Dwar dan il-punt ta' min wieħed jiftakar li l-PN kellu lista ta' heavyweights f'dawn is-sitt distretti li ma ġewx mibdulin f'heavyweights ġodda. Qed nirreferu għal elenku sħiħ ta' eks Kandidati Nazzjonalisti, fosthom l-eks Ministri Ninu Zammit, Louis Galea, Helen D'Amato, l-eks Deputat Franco Debono, l-eks Ministru Austin Gatt u l-eks Ministri/Segretarji Parlamentari Jesmond Mugliette, George Hyzler, John Dalli, Frans Agius u Antoine Mifsud Bonnici. 

Franco Debono
Franco Debono

4 - Il-Ħames Distrett huwa b'saħħtu f'termini ta' kaċċa. id-deċiżjoni tal-Gvern li jippermetti ll-kaċċa għall-gamiema wara snin ta' moratorju u l-fatt li l-Gvern - speċjalment il-Ministru Clint Camilleri - għamluha ċara ħafna li huma jinsabu fuq in-naħa tagħhom għen biex dan il-vot jissaħħaħ favur il-PL. Il-PN mill-ġdid, fuq dan is-suġġett, ftit li xejn kien preżenti u b'saħħtu. L-istess is-sajjieda: Il-PL kellu kandidata (Alicia Bugeja Said) li kellha għeruq u familjarità qawwija ma' dan is-settur. L-istess il-festi, b'numru kbir ta' festi u dilettanti f'dawn id-distretti. Il-Ministri u l-Partit Laburista kien viżibbli fil-proċess ta' għajnuniet, għotijiet u inizjattivi lis-soċjetajiet tal-banda u għaqdiet tal-festi, anke waqt il-pandemija. 

Kollox jgħin u kollox jagħmel differenza u fil-politika lokali, minsuġa kif inhi b'interessi parrokkjali u provinċjali l-għajnuna għat-tradizzjonijiet Maltin tagħmel differenza. 

5 - Naturalment l-iswing f'dawn is-snin fin-nofsinhar jirrifletti dak tal-pajjiż kollu u allura r-raġunijiet kollha għal dan l-iswing qawwi fil-pajjiż: Mill-ekonomija, sal-politika finanzjarja u ta' għajnuniet, drittijiet ċivili u bidliet leġiżlattivi. 

Il-każin tal-PN f'Birżebbuġa - meta kien għadu jeżisti | Ritratt ta' James Bianchi
Il-każin tal-PN f'Birżebbuġa - meta kien għadu jeżisti | Ritratt ta' James Bianchi

6 - Il-PN - li diġà kellu preżenza dgħajfa f'dawn id-distretti - kompla jdgħajjef din il-preżenza bil-bejgħ tal-każini f'Bormla u Birżebbuġa, fost oħrajn. 

7 - U finalment hemm l-element ta' Adrian Delia u d-diżgwid li nqala' fil-PN minħabba t-tneħħija tiegħu minn Kap f'nofs leġiżlatura. Minkejja li l-appoġġ lejn Delia huwa mifrux, jidher li kien hemm iktar konċentrazzjoni f'dawn l-ewwel sitt distretti, bil-PN jispiċċa jitlef Kunsillieri fil-Ħamrun, Birżebbuġa u issa l-uniku Kunsilliera tiegħu fix-Xgħajra wkoll. Fl-elezzjoni għall-Kap Nazzjonalista ġdid Delia kellu l-aktar appoġġ (għalkemm xorta mhux maġġoritarju f'uħud minn dawn id-distretti).

Adrian Delia
Adrian Delia

More in Politika