Elezzjoni każwali PL | Cutajar u Bedingfield mill-ġdid fil-Parlament u eletti wkoll sitt Deputati ġodda

L-elezzjoni każwali tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed issir il-ġimgħa d-dieħla

Illum saret l-elezzjoni każwali biex ikunu eletti tmien kandidati oħra għall-Partit Laburista.

L-elezzjoni każwali saret biex jimtela' l-post ta' dawk il-kandidati li jkunu ġew eletti minn żewġ distretti u allura jkunu ċedew wieħed mid-distretti.

Rosianne Cutajar mill-ġdid fil-Parlament

Fost l-ewwel li ġew eletti kien hemm l-eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar li ħadet sehem fl-elezzjoni każwali fuq is-sitt distrett għas-siġġu li ċeda Ian Borg.

Cutajar kienet irriżenjat b’mod temporanju minn minn Segretarju Parlamentari wara allegazzjonijiet li ħadet flus b’rabta ma’ dan il-ftehim mingħand l-istess Fenech. 

Cutajar dejjem ċaħdet li rċeviet senserija u li dan id-dħul ma ddikjaratux fid-dikjrazzjoni tal-assi. Hi kienet qalet li €9,000 li rċeviet mingħand Yorgen Fenech kienu rigal ta’ għeluq snina. Is-sid tal-proprjetà qed jisħaq li Cutajar ħadet €46,500  f’sesnerija u qed ifittixha għax iridhom lura.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ma kienx emminha u saħaq li kisret il-kodiċi tal-etika meta ma ddikjaratx dan id-dħul. Kien dan li wassal biex ir-riżenja tagħha ssir waħda permanenti. 

Glenn Bedingfield
Glenn Bedingfield

Glenn Bedingfield mill-ġdid fil-Parlament

L-eks Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista wkoll ġie elett fl-elezzjoni każwali.

Bedingfield ġie elett fl-elezzjoni każwali fuq it-tieni distrett għas-siġġu li ċeda l-Ministru Clyde Caruana. Dan ifisser li Oliver Scicluna, li kien ġie co-opted fil-Parlament, ma ġiex elett.

Malcolm Paul Agius Galea
Malcolm Paul Agius Galea
Romilda Baldacchino Zarb
Romilda Baldacchino Zarb
Omar Farrugia
Omar Farrugia

Tliet Sindki Laburisti jsibu posthom fil-Parlament

Apparti Cutajar, eletti minnufih f'din l-elezzjoni każwali kienu Malcom Agius Galea li huwa s-Sindku ta' Ħaż-Żebbuġ, Romilda Baldacchino Zarb li hija s-Sindku tal-Mosta u Omar Farrugia li huwa s-Sindku tal-Imqabba.

Malcom Agius Galea tela fl-elezzjoni każwali li saret fuq is-sitt distrett għas-siġġu li ċeda l-Ministru Silvio Schembri

Romilda Baldacchino Zarb telgħet fl-elezzjoni każwali li saret fuq il-ħdax-il distrett għas-siġġu li ċediet il-Ministru Miriam Dalli

Omar Farrugia tela fl-elezzjoni każwali li saret fuq il-ħames distrett għas-siġġu li ċeda l-Prim Ministru Robert Abela.

Katya Degiovanni
Katya Degiovanni
Rebekka Buttigieg
Rebekka Buttigieg
Ray Abela
Ray Abela

Eletti wkoll Katya Degiovanni, Ray Abela u Rebecca Buttigieg

Wiċċ ġdid ieħor għall-Partit Laburista se tkun Katya Degiovanni 

Degiovanni ġiet eletta fl-elezzjoni każwali li saret fuq ir-raba' distrett għas-siġġu li ċeda d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Immedjatament warajha kien elett Ray Abela. Abela ġie elett fuq it-tielet distrett fl-elezzjoni każwali wara li ċeda s-siġġu l-Ministru Owen Bonnici. Dan ifisser li Jean Claude Micallef ma ġiex elett u għalhekk mhux se jirritorna fil-Parlament.

Rebekka Buttigieg ġiet eletta fl-elezzjoni każwali li saret fuq id-disa' distrett għas-siġġi li ċeda l-Ministru Clifton Grima.

Issa xi jmiss?

L-elezzjoni każwali għall-Partit Nazzjonalista se tkun qed ssir il-ġimgħa d-dieħla.

Wara li jintemm dan il-proċess ikun jista' jitħaddem għall-ewwel darba l-mekkaniżmu tal-ġeneru li jista' jara lill-Parlament jiżdied bi tnax-il Deputat kollha kemm huma nisa.

More in Politika