'Fil-jiem tal-Għid ejjew nevitaw li niltaqgħu flimkien ... la barra u lanqas fid-djar'

Wara li Malta għandha l-ewwel mewta kkawżata mill-Covid-19, id-Deputat Prim Ministru jappella lill-pubbliku biex jikkoperaw mal-awtoritajiet

Wara li ħabbar l-ewwel mewta kkawżata mill-Coronavirus f'Malta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella lill-pubbliku biex jikkopera mal-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa li qed jagħmlu minn kollox biex jikkontrollaw l-imxija.

Fearne irrefera għall-festi tal-Għid li se jilħqu l-qofol tagħhom fil-jiem li ġejjin. Fakkar li fil-kultura tagħna, nhar il-Ġimgħa, f'jum il-Ġimgħa l-Kbira u wisq aktar nhar Ħadd il-Għid, normalment huwa mument fejn il-familji jinġabru, joħorġu flimkien u jiċċelebraw.

Kien għalhekk li Fearne appella biex għal din is-sena niċċaħdu minn dawn il-laqgħat, kemm barra fil-kampanja u f'postijiet pubbliċi iżda anke fid-djar. 

"Din is-sena naqbżuha. Sena oħra tasal ukoll," saħaq il-Ministru Fearne. "Il-biżgħa li għandna biex noħorġu rridu wkoll napplikawha għal ġewwa," kompla jgħid biex jappella lill-familji biex lanqas ma jinġabru fid-djar ta' xulxin.

Fil-fatt, l-appell tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci dejjem ikun biex persuna żżomm biss kuntatt mal-persuni li jgħixu magħha fid-dar.

Issa l-virus qed jinfirex u l-każi ta' trasmissjoni lokali huma l-maġġoranza u għalhekk kull persuna li tiltaqa' magħha tista' tagħtik il-virus, anke għax uħud mill-pazjenti qed ikollhom biss sintomi ħfief jew saħansitra lanqas ikollhom sintomi.

"Għinuna nżommu l-kurva baxxa," appella d-Deputat Prim Ministru. "Naħdmu flimkien u nirbħuha flimkien."

More in Politika