L-iskola mhux se terġa tiftaħ għal din is-sena skolastika ... l-O u l-A Levels posposti għal Settembru

Bidliet għall-istudenti li se jagħmlu l-O Levels, l-A Levels u li jinsabu l-Università jew l-MCAST

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar illi l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sa' Ġunju, li jfisser illi allura mhux se jkunu qed jerġgħu jiftħu għal din is-sena skolastika. 

Bonnici ħabbar ukoll tibdil fl-eżamijiet O u A Level.

Eżamijiet O Level

L-eżamijiet O Level mhux se jsiru nhar it-23 ta' April, minflok l-istudenti se jingħataw marka skont metodu ta' assessjar bbażat fuq l-eżamijiet mock. 

Il-Bord tal-MATSEC ikun jista' jara dawn ir-riżultati hu, kif ukoll il-marki mogħtija biex imbagħad ikun hu stess li jagħti ċ-ċertifikat bil-marki 2 jew 3  - bil-livell 2 ikun il-marki tradizzjonali ta' 6 u 7 u l-livell 3 l-marki tradizzjonali ta' 1 sa 5

"Minkejja dan, l-istudenti xorta se jkollhom l-ooportunità li jagħmlu l-eżamijiet tagħhom tal-O Level f'Settembru," qal Bonnici.

Eżamijiet A Levels

F'dak li jirrigwarda l-eżamijiet A Level u Intermediate dawn mhux se jibdew fit-23 ta' Aptil, imma minflok ikunu posposti wkoll għal Settembru. 

Il-Ministru qal illi s-sessjonijiet tal-eżamijiet se jkunu iktar kumpatti biex ma jfixlux is-sena skolastika li tibda f'Ottubru.

Università u MCAST

Fil-każ tal-Università, l-eżamijiet se jsiru normali f'Ġunju, ħlief għal xi eċċezzjonijiet fejn il-prattika tat-tagħlim ma jkunx għadu sar.

Għall-maġġoranza tal-każijiet l-eżamijiet se jsiru fiż-żmien normali imma l-istudenti mhux se jkollhom għalfejn imorru fis-swali tal-eżamijiet.  Minflok se jingħataw marki skont xogħol diġa' sottomess onlajn, bis-sistemi VLE.

Għall-istudenti tal-MCAST l-assesjar se jsir onlajn jew permezz ta' assenjamenti.

More in Politika