Tliet każijiet biss ġodda ta' coronavirus ... 'Ma jfissirx li neżlin il-każijiet'

Anke jekk tliet każijiet mhux ħafna, Gauci appellat biex kulħadd iżomm saqajh mal-art u jibqa' jsegwi l-istruzzjonijiet u l-miżuri li qed jittieħdu

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-aħħar 24 siegħa, tliet persuni biss irriżultaw pożittiv għall-coronavirus biex hekk il-każi f'Malta telgħu għal 110 każi.

Anke jekk tliet każijiet mhux ħafna, Gauci appellat biex kulħadd iżomm saqajh mal-art u jibqa' jsegwi l-istruzzjonijiet u l-miżuri li qed jittieħdu.

Fi kliemha, mhux l-ewwel darba li kien hemm ġranet fejn l-għadd ta' infezzjonijiet ġodda kien żgħir f'ġurnata, iżda l-għada kien hemm numru ta' każijiet ġodda.

Gauci appellat biex kulħadd jibqa' jsegwi l-miżuri u l-appelli li saru. Insistiet li f'pajjiżi oħra, kien hemm sitwazzjonijiet, fejn għax kien hemm inqas każijiet, ħafna bdew jillaxkaw, reġgħu bdew joħorġu u l-każijiet reġgħu bdew telgħin.

Semmiet dak li ġara f'Ħong Kong, fejn meta l-poplu llaxka, għax ra inqas każijiet, spiċċaw bl-irduppjar tal-persuni infettati.

Intant, it-tliet każi kkonfermati llum, huma kollha importati minn barra minn Malta u bħall-bqija tal-pazjenti jinsabu f'qagħda ta' saħħa tajba.

Kif sejjer l-anzjan li kellu kumplikazzjonijiet?

L-anzjan ta' 61 sena li żviluppa kumplikazzjonijiet, għadu qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-isptar Mater Dei.

Gauci spjegat li l-kundizzjoni tiegħu għada waħda "instabbli."

Apparti li qed ikun immoniterjat kontinwament, Gauci spjegat li qed jingħata wkoll kura skont evidenza bbażata minn barra minn Malta ta' kura li jidher li qed tħall impatt pożittiv.

Aktar kmieni llum, is-sit illum.com.mt irrapporta kif testijiet fi Franza bl-użu tad-drogi anti-malarja qed iħallu riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

Il-każi kkonfermati fl-aħħar 24 siegħa kienu:

  • Maltija ta' 20 sena li tgħix Londra u rritornat Malta. Meta bdiet bis-sintomi kienet fi kwarantina. Setgħu ġew esposti biss dawk li jgħixu magħha
  • Studenta ta' 20 sena li kienet Londra ma' grupp ta' studenti universitarji. Persuna oħra minn dan l-istess grupp irriżultat pożittiv fil-jiem ta' qabel. Kienet marret lecture ġurnata qabel bdew is-sintomi u sar il-contact tracing mal-istudenti sħabha.
  • Amerikan ta' 49 sena. Jgħix Malta u mar l-Awstrija. Obda r-regoli tal-kwarantina. Setgħet ġiet esposta biss persuna waħda li tgħix miegħu.

More in Politika