Miċħuda x-xniegħa li se jiżdiedu f'salt 30 każ ta' coronavirus f'Malta

Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa ċaħdet kategorikament din l-aħbar

Minkejja xniegħat fuq il-midja soċjali li qed jisħqu li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jistennew 30 każ pożittiv ta’ coronavirus, il-Gvern ċaħad dawn l-akkużi u insista li huma “kompletament foloz”

Dawn ix-xniegħat bdew minn fuq Facebook u spiċċaw ukoll fuq il-paġna 4Malta, paġna fuq Facebook li tagħti l-aħbarijiet.

L-istess paġna tikkwota sorsi mill-Gvern, anonimi, li jikkonfermaw l-aħbar anke jekk l-istess rapport jgħid: “not confirmed yet.”

Madanakollu, Roberta Fenech, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa ċaħdet din l-informazzjoni u saħqet li hija kompletament “informazzjoni falza.”

Illum ġew ikkonfermati żewġ każi oħra, biex hekk, it-total tal-pazjenti f’Malta tela’ għal disgħa.

Sa issa, il-każi kollha kienu importati minn  barra u ma kien hemm l-ebda trażmissjoni lokali

Il-Gvern, fuq parir tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, illum ukoll ħabbar diversi miżuri, fosthom l-għeluq tal-iskejjel kollha, inkluż l-Università u ċ-ċentri taċ-Childcare sal-Ġimgħa filwaqt li l-Kurja ssospendiet il-Quddies kollu.

More in Politika