Il-quddies kollu sospiż mil-lum; Fil-funerali se ssir biss iċ-ċelebrazzjoni fiċ-ċimiterju

L-Isqfijiet taw id-dispensa mill-obbligu tal-Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd

Il-Kurja tal-Arċisqof ħabbret li b’effett immedjat qed twaqqaf il-funzjonijiet reliġjużi kollha, inkluż il-quddies ta’ kuljum u ta’ nhar ta’ Ħadd u anke l-katekeżi tat-tfal, kemm fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u anke fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Għalhekk, l-Isqfijiet taw id-dispensa mill-obbligu tal-Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd

F’każ ta’ funeral, is-saċerdot ser imexxi r-rit tat-tberik tal-fdalijiet fiċ-ċimiterju, peress li dan huwa post fil-miftuħ, fil-preżenza tal-qraba l-aktar stretti. 

Is-saċerdot imbagħad, fil-privat, joffri Quddiesa b’suffraġju għal ruħ il-mejjet. 

Il-knejjes ser ikunu miftuħin fil-ħinijiet tas-soltu għal mumenti ta’ talb privat. 

Dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sakemm jingħata avviż ieħor. 

L-Insara huma mistiedna biex xorta waħda jingħaqdu fit-talb billi jsegwu x-xandiriet tal-Quddiesa fuq TVM2, is-sit tal-Knisja u anke s-sit Newsbook.com.mt

Għada, il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu f’nofsinhar, l-Arċisqof Charles Sicluna se jmexxi Quddiesa mill-Kappella tal-Kurja, il-Furjana. 

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, se tixxandar Quddiesa fid-9:30am u Rużarju quddiem Ġesù Ewkaristija fil-5:30 p.m mill-Kappella tal-Kurja, il-Furjana. 

Is-Sibt u l-Ħadd, TVM2 ser ixandar iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies mis-Santwarju ta’ Pinu, Għawdex, u minn knejjes f’Malta. 

L-Isqfijiet iħeġġu għat-talb u jistiednu lill-Insara biex il-familji jitolbu t-talba tar-Rużarju.

More in Politika