Inkjesta Daphne | Gafà jgħid li waqqaf 'eluf' ta' immigranti milli jaslu Malta

Neville Gafà jgħid li Daphne weġġgħetu ħafna u li l-kitba tagħha kienet ħafna agħar mir-ritratti li hu kien jippubblika fuq Facebook

Neville Gafa (lemin) ma' Kenneth Camilleri li kien jakkumpanjah fil-Libja
Neville Gafa (lemin) ma' Kenneth Camilleri li kien jakkumpanjah fil-Libja

Illum qed tkompli l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fejn ix-xhud ewlieni mistenni jkun Neville Gafà, anke jekk se jixhed ukoll id-Deputat Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern, Nigel Vella. 

Gafà, li kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u persuna viċin ħafna ta’ Keith Schembri, kien wieħed mill-aktar persuni li kkritikat u kitbet dwaru Daphne Caruana Galizia.

Lejlet l-assassinju tagħha, Gafà kien ippubblika ritratt li kien ħa persuna li segwiet il-passi tal-ġurnalista.

Nhar it-Tnejn li għadda, oħt Daphne Caruana Galizia ppreżentat sensiela ta' dokumenti, li jinkludu wkoll screenshots u artikli u li jirrigwardjaw lil Neville Gafà, fost oħrajn. Semmiet, b’mod partikolari, hashtag li kien uża Gafà: "#galiziabarra."

Ippreżentat ukoll ir-ritratti li ppubblika Gafà ta' Caruana Galizia, inkluż lejlet li nqatlet, liema ritratti kienu ttieħdu minn persuni li fi kliemha, kienu qed isusu warajha.

X'qal Gafà f'punti:

  • "Qatt ma ħadt ritratti lil Daphne"
  • "Weġġgħetni ħafna"
  • "Daphne weġġgħet ħafna lil Keith"
  • "Missieri tagħtu puplesija minħabba Daphne"
  • Jikkonferma li għandu passaport diplomatiku
  • Miegħu fil-Libja kien jieħu lil Kenneth Camilleri
  • Jgħid li bis-saħħa tiegħu Mater Dei daħħal  €400,000
  • Jisħaq li hu salva eluf ta' ħajjiet
  • "Kieth weġġa' għax Yorgen gideb fuqu"
  • "Keith Schembri kien inkwetat għax tilef il-mowbajl"

Nigel Vella mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat
Nigel Vella mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat

Pass pass dak li seħħ fil-Qorti llum:

'Lil Yorgen Fenech qatt ma rajtu Kastilja' - Vella

L-ewwel ma xehed illum kien Nigel Vella li meta mistoqsi dwar jekk qattx ra lil Yorgen Fenech f'Kastilja, wieġeb fin-negattiv.

"Qatt ma rajtu, la hemm u lanqas imkien," saħaq Vella.

Il-bord tal-inkjesta għamel din il-mistoqsija lill-uffiċjali kollha ta' Kastilja li telgħu jixhdu sa issa.

Nigel Vella mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat

Yorgen Fenech, ħabib ta' Keith Scembri, l-eks Chief of Staff, qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' DaphneCaruana Galizia

'Ġieli ddiskutejtu l-kumpanija 17 Black f'Kastilja?' 

Staqsewh ukoll jekk qattx iddiskuta l-kumpanija 17 Black mas-superjuri tiegħu f'Kastilja.

Vella qal li ddiskuta biss dak li kien neċessarju għax-xogħol tiegħu u kollox kien fid-dominju pubbliku.

Meta nqatlet Daphne kien hemm tensjoni f'Kastilja?

Vella ġie mistoqsi wkoll dwar l-atmosfera f'Kastilja u jekk kienx hemm tensjoni wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, bl-Imħallef Said Pullicino jitolbu jiddeskrivi l-ambjent.

Meta Vella wieġeb: "iddiskutejna l-avveniment," Said Pullicino widdbu u insista miegħu li l-ewwel nett assassinju mhux avveniment u talbu jwieġeb il-mistoqsija u jiddeskrivi l-atmosfera.

Vella jibqa' ma jweġibx, bil-bord tal-inkjesta taqbiżlu xi ftit.

"Kif jista' jkun li kont bejn erba' ħitan u ma smajt xejn?" staqsih l-Imħallef Mallia. "Jekk dak hu xogħlok, tagħmel biss li jgħidulek is-superjuri, mela kwalunkwe skrivan jista' jagħmlu!"

Vella wieġeb u insista li jista' jgħid biss dak li jaf.

"Mela ma taf xejn," weġbitu l-Imħallef Lofaro.

'L-ebda ġurnalist ma nżamm kontra r-rieda tiegħu'

Vella kien mistoqsi wkoll dwar il-każ meta l-ġurnalist ssakkru f'Kastilja wara konferenza mill-Prim Ministru fit-3am, fl-eqqel tal-kriżi politika ta' xahrejn ilu.

Huwa wieġeb li l-ebda ġurnalist ma nżamm maqful kontra r-rieda tiegħu, l-istess kif wieġeb Matthew Carbone nhar it-Tnejn li għadda.

Kien għalhekk li Lofaro staqsietu jekk dan ifissirx li l-ġurnalisti setgħu joħorġu, iżda Vella jdur mal-mistoqsija u baqa' ma weġibx.

Huwa ġie muri wkoll ritratt tal-irġiel li żammew il-bibien magħluqa u ġie mitlub jgħid min huma. Wara li ġie mwissi mill-Qorti li qed ikun "arroganti" għax qal li kulħadd jaf min huma, identifika wħud minnhom inkluż 'Mark' u Lionel Gerada, li fi kliemu huwa d-direttur tal-attivitajiet tal-Malta Tourism Authority.

Nhar it-Tnejn li għadda, Matthew Carbone, wara l-insistenza tal-bord, kellu jgħid min kienu l-irġiel li żammew il-bibien magħluqa biex il-ġurnalisti ma joħorġux.

'Għaliex tħallew jidħlu?'

Il-bord jiġbidlu l-attenzjoni dwar il-fatt li l-pubbliku ma kienx mistieden għall-konferenza u għalhekk staqsih għalih tħallew jidħlu.

"Xogħli mhux is-sigurtà," wieġeb Vella.

"Ma għadditlekx minn rasek li tiġbed l-attenzjoni dwar il-preżenza tagħhom hemm ġew," staqsietu l-Qorti. "Jekk tara li xi ħadd iwettaq delitt, tibqa' tħares u ma tagħmel xejn."

"Ħadd ma kien qed jagħmel delitt dakinhar," wieġeb. Vella.

"Kien hemm wisq tensjoni fil-pajjiż. Ma ħsibtx fis-sigurtà tal-Prim Ministru? U jekk ngħidlek li kont tafhom kollha u ma għalhekk ma għamilt xejn?" staqsietu l-Qorti.

"Dak inti qed tgħidu," wieġeb Vella lill-Imħallef.

Said Pullicino ma tantx dam jomgħod il-kliem. "Inkwetati dwar in-nuqqas ta' kredibbilità tiegħek," qallu.

Ġieli ddiskuta ma' Keith Schembri jew ma Joseph Muscat il-kontenut tal-istqarrijiet?

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet lil Vella jekk qattx iddiskuta l-istqarrijiet uffiċjali dwar Caruana Galizia, l-FIAU jew il-Panama Papers ma' Keith Schembri.

Qal li ġeneralment kien jirċievi kollox f'punti mis-superjuri tiegħu u hu jikteb l-istqarrija.

Staqsietu jekk kienx jiddiskuti l-kontenut ma' Joseph Muscat, b'Vella jisħaq li ġieli talab id-direzzjoni tal-Prim Ministru, speċjalment wara li kien jirċievi mistoqsijiet partikolari mill-ġurnalisti.

Ir-raba' sular tal-ĊNL

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija oħra, Vella qal li kellu uffiċċju fil-famuż raba' sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għax qabel hu kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Kommunikazzjoni tal-partit.

Ikkonferma li l-aċċess kien ristrett u mhux kulħadd seta' jidħol, ħlief dawk li kellhom password.

Meta mistoqsi ċaħad li ġieli ra hemm lil Sandro Chetcuti, il-Kap tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi.

Ikkonferma li Keith Schembri kellu uffiċċju f'dan is-sular għax hu kien qed imexxi l-kampanja tal-elezzjoni tal-2013.

Corinne Vella tippreżenta aktar screenshots fuq Neville Gafà

Oħt Daphne, Corinne Vella, reġgħet ippreżentat dokumenti b'għadd ta' screenshots ta' posts fuq il-midja li ġew ippubblikati kontra oħtha, minn Neville Gafà, jew gruppi favurih.

Uħud mill-posts kienu sempliċiment ritratti ta' Daphne, fil-ħajja tagħha ta' kuljum, mingħajr kumment.

Uriet wieħed mill-bord: "Għaliex ittieħed dar-ritratt?" staqsiet.

Neville Gafà jibda jixhed ... jgħid x'kien xogħlu

Neville Gafà, wara li ħa l-ġurament, saħaq li hu rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu f'Kastilja fit-12 ta' Jannar.

Huwa qal li beda jaħdem bħala direttur tal-proġetti mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fl-2013. Qal li beda l-OPM u kien ġie ttrasferit mal-Ministeru għas-Saħħa u aktar tard ħadem bħala person of trust f'Kastilja.

Il-Maġistrat Lofaro staqsietu x'kien xogħlu f'Kastilja. 

Qal li hu kien "jikkordina" x-xogħol bejn Kastilja u l-ministeri. Qal li kien jaħdem fit-tieni sular "mal-Prim Ministru" u allura viċin Keith Schembri.

"Il-Prim Ministru kien jirċievi mijiet ta' imejls kuljum u kien jibgħatli dawk li dwarhom kellha ittieħed azzjoni biex jiena nikkomunika mal-Ministeru għas-Saħħa," spjega Gafà.

'Noqgħod ħames minuti 'l bogħod minn Keith Schembri'

Gafà kien mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-eks Chief of Staff. Qal li sar jaf lil Keith Schembri fil-kampanja elettorali tal-2013 "u bqajna ħbieb minn dakinhar."

"Ngħixu ħames minuti 'l bogħod minn xulxin," saħaq Gafà meta l-Imħallef Lofaro tfakkru li baqa' jidher viċin tiegħu anke wara li Schembri rriżenja.

Huwa qal li qatt ma ra li Yorgen Fenech f'Kastilja. Wieġeb li jaf min hu Kenneth Camilleri iżda qatt ma kellmu.

Skont Melvin Theuma, l-intermedjarju, Kenneth Camilleri kien mar għandu biex iwiegħdu l-ħelsien mill-arrest lill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne u li dawn kellhom jieħdu miljun ewro kull wieħed. Kien ipprova wkoll jitfa' l-ħtija tal-assassinju fuq Theuma stess.

Gafà jikkonferma li Adrian Vella huwa t-tabib personali tiegħu

Gafà kkonferma li t-tabib tiegħu huwa Adrian Vella. 

Vella huwa wkoll it-tabib ta' Keith Schembri u Yorgen Fenech u allagetament kien għadda lil Fenech ittra mingħand Schembri meta dan kien taħt il-kustodja tal-Pulizija.

Gafà qal li ma kienx jaf u qatt ma ra lil Melvin Theuma.

"Qatt ma ħadt ritratti lil Daphne"

Kompla jixhed li hu qatt ma ħa ritratti ta' Daphne Caruana Galizia. "Kont insib ir-ritratti onlajn," saħaq.

L-Imħallef Lofaro staqsietu għaliex kien jitfa' l-istess ritratti diversi drabi.

Qal li wħud mir-ritratti kienu issejvjati fuq Facebook.

"Weġġgħetni ħafna"

Neville Gafà saħaq li Daphne Caruana Galizia weġġgħetu ħafna.

"Il-kitba tagħha kienet ħafna agħar mir-ritratti," insista l-eks uffiċjal ta' Kastilja.

Semma' l-ewwel darba li tkellem magħha. Qal li kien il-Ħadd filgħodu u qata' t-telephone għax ma kienx jaf min kienet.

"Imbagħad bgħatitli messaġġ dwar il-visas mediċi," kompla jgħid.

Huwa qal li ma kienx ikkonfermalha dak li qaltlu, iżda xorta waħda ppubblikat storja dwaru.

Qal li l-Pulizija interrogawh fit-tul iżda insista li ma hemm l-ebda proċeduti kriminali kontrih.

Gafà jikkonferma li għandu passaport diplomatiku

Gafà kien mistoqsi jekk għandux passaport diplomatiku. Ikkonferma li għandu wieħed u li ngħatalu minħabba x-xogħol tiegħu fil-Libja.

Qal li żar il-Libja ma' Kenneth Camilleri. "Qatt ma sifirt ma' Keith Schembri. Qatt," insista Gafà.

Jgħid li Daphne weġġgħet ħafna lil Keith

Gafà kompla jixhed u jgħid li Keith Schembri kien weġġa' ħafna meta Caruana Galizia kienet kitbet dwar il-kanċer.

"Bintu darba marret id-dar mill-iskola u staqsietu: 'vera se tmur daddy?' Dik weġġgħetu ħafna," qal Gafà.

Insista li Schembri qatt ma rritalja, iżda hu kien jikteb ħafna

Skont Gafà, Schembri kien inkwetat ħafna dwar il-qtil ta' Daphne u ried "jassigura li l-investigazzjonijiet isiru sew."

"Hi hekk kienet tagħmel"

Għax hi hekk kienet tagħmel. Missieri saħansitra tagħtu puplesija tliet snin ilu minħabba l-kitba tagħha. Għandi żewġt itfal, għandhom 23 u 25, u xi drabi ddejqu jmorru x-xogħol minħabba dak li kitbet fuqi Neville Gafà

L-Imħallef Mallia staqsa lil Gafà dwar ritratt ta' Caruana Galizia li hu ppubblika ġurnata qabel inqatlet.

"Bagħthomli xi ħadd li kien il-Furjana," qal.

Mistoqsi għaliex ippubblikah, hu wieġeb: "għax hi hekk kienet tagħmel."

'Missieri tagħtu puplesija minħabba Daphne'

Il-bord, staqsa mill-ġdid lil Neville Gafà għaliex kien jippubblika ritratti tal-ħajja privata ta' Daphne.

"Għax hi hekk kienet tagħmel. Missieri saħansitra tagħtu puplesija tliet snin ilu minħabba l-kitba tagħha. Għandi żewġt itfal, għandhom 23 u 25, u xi drabi ddejqu jmorru x-xogħol minħabba dak li kitbet fuqi," spjega x-xhud.

"Qatt ma ddiskutejna 17 Black"

Skont Gafà qal li Keith Schembri kien "imweġġa'" dwar ir-rapporti li kienu jorbtuh mal-kumpanija 17 Black, iżda "bħala ħabib qatt ma ppressajtu dwarha."

"Kont niltaqa' miegħu kmieni filgħodu, immorru mixja u wara mmorru d-dar biex ninħaslu u mmorru x-xogħol," qal.

Saħaq li kienu ddiskutew ir-riżenja ta' Schembri iżda meta mistoqsi insista li qatt ma ddiskutew minn seta' kien il-moħħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Jgħid li bis-saħħa tiegħu Mater Dei daħħal  €400,000

Kompla jistaqsih l-Avukat Jason Azzopardi u talbu aktar informazzjoni dwar ix-xogħol tiegħu.

Qal li x-xogħol tiegħu mal-FMS kien tahulu l-Ministru Konrad Mizzi, dak iż-żmien Ministru għas-Saħħa u wara kien trasferit lejn Għawdex, bil-barka ta' Chris Fearne, meta dan sar Ministru.

"Peress li ngħix il-Mellieħa, kienet kważi aktar faċli mmur naħdem Għawdex milli Gwardamangia," kompla jgħid.

Azzopardi jisħaq miegħu li Fearne kien keċċih u dan minħabba l-vjaġġi tiegħu fil-Libja.

"Il-Ministru Fearne jaf li jiena ppreżentajt l-invoices għall-visas mediċi li nħarġu," insista waqt li saħaq li x-xogħol tiegħu fisser dħul ta' €400,000 għall-Mater Dei u aktar għall-Isptar St. James.

Kenneth Camilleri
Kenneth Camilleri

Jgħid li Joseph u Keith ġieli wissewh dwar posts

L-Imħallef Mallia staqsih jekk qattx kien hemm xi ħadd li ċċensurah minħabba l-kummenti tiegħu bħala uffiċjal pubbliku.

"Jiena person of trust kont," insista. "Iva, s-superjuri tiegħu ġieli ġibduli l-attenzjoni."

Kenneth Camilleri

Qal li ġieli neħħa posts wara li talbuh Joseph Muscat jew Keith Schembri.

Jisħaq li hu waqqaf eluf ta' migranti milli jaslu Malta

Gafà kien mistoqsi aktar dwar il-vjaġġi misterjużi tiegħu fil-Libja. Fi kliemu, hu waqqaf "eluf" ta' immigranti milli jaslu Malta.

"Ikkoordinajt bejn il-Forzi Armati ta' Malta u l-gwardji tal-kosta Libjani. Salvajna eluf ta' ħajjiet."

Mistoqsi mill-Avukat Azzopardi, Gafà qal li ħa li Kenneth Camilleri miegħu għax xtaq lil xi ħadd li seta' jafda.

"Keith Schembri kien inkwetat għax tilef il-mowbajl"

Schembri kien mistoqsi wkoll dwar il-mowbajl ta' Keith Schembri.

"Kont taf li kien għand Joseph Muscat ġurnata qabel arrestawh?" staqsewh. "Iva kont naf," wieġeb.

Qal li kien inkwetat ħafna għax tilef il-mowbajl.

"Kieth weġġa' għax Yorgen gideb fuqu"

Gafà kompla jitkellem dwar ir-relazzjoni ta' Schembri ma' Fenech.

"Ovvjament qalli li Yorgen Fenech gideb dwaru u li ddispjaċih," insista x-xhud.

Qal li Kenneth Camilleri qatt ma qallu li mar għand Melvin Theuma u li lanqas qatt ma staqsih dwar dak li ħareġ fil-Qorti.

"Irrispetta l-intelliġenza tagħna. Għid il-verità," qallu Jason Azzopardi. "Ma nistaqsix mistoqsijiet fuq affarijiet li ma jikkonċernawx lili."

"Ħabib tiegħek huwa msemmi f'investigazzjoni dwar omiċidju u inti ma tistaqsihx?" reġa' staqsih. "Le qatt," wieġeb.

"Ġieli qallek li kien iċempel kuljum lil Yorgen Fenech?"

Wara dak li ħareġ fil-kumpilazzjoni tal-evidenza, lil Gafà staqsewh jekk kienx jaf li Schembri kien iċempel kuljum lil Yorgen Fenech, anke f'nofs ta' lejl.

"Jiddispjaċini li gided dwaru," kompla jwieġeb. 

Meta mistoqsi dwar jekk qattx tkellmu dwar Chris Cardona, wieġeb fin-negattiv.

 

More in Politika