'Gafà segwa l-passi ta' oħti'; L-inkjesta pubblika tistaqsi min kien sakkar lill-ġurnalisti f'Kastilja

Matthew Caruana Galizia jippreżenta lill-bord tal-inkjesta rapport dwar Glenn Bedingfield u dak li kiteb u ppubblika fuq Daphne

Neville Gafa, fuq il-lemin
Neville Gafa, fuq il-lemin

L-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kompliet illum waranofsinhar bix-xhud ewlieni jkun Matthew Carbone u Josef Caruana.

Kellu jixhed ukoll Neville Gafà, iżda l-Qorti talbitu biex imur nhar l-Erbgħa għax ma kienx hemm biżżejjed ħin biex tistaqsih il-mistoqsijiet kollha. Huwa aċċetta li jagħmel dan.

Min huma x-xhieda?

Caruana kien editur tal-Orizzont u aktar tard beda’ jaħdem Kastilja u kkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019.

Carbone jaħdem fl-Uffiċċju tal-Kommunikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Minn Awwissu li għadha ħa f'idu dan l-uffiċċju.

Neville Gafà ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Gafà kien wieħed mill-aktar persuni li kkritikat u kitbet dwaru Daphne Caruana Galizia u lejlet l-assassinju tagħha kien ippubblika ritratt li kien ħa persuna li segwiet il-passi tal-ġurnalista.

X'ġara ta' issa?

  • Matthew Carbone ordnat jgħid min kienu l-irġiel li sakkru l-ġurnalisti f'Kastila. Għall-ewwel irreżista l-bord
  • Corinne Vella (oħt Daphne) tippreżenta dokument u screenshots dwar posts ta' Josef Vella u Nevile Gafà
  • Matthew Caruana Galizia b'rapport dettaljat dwar il-blog ta' Bedingfield u l-kummenti tiegħu fuq Daphne
  • Neville Gafà mitlub imur l-Erbgħa l-Qorti għax ma kienx hemm biżżejjed ħin biex ikun mistoqsi kollox

Dak li seħħ pass pass:

Matthew Carbone
Matthew Carbone

'Qatt ma rajt lil Yorgen Fenech f'Kastilja' - Matthew Carbone

L-ewwel li xehed kien Matthew Carbone li fost oħrajn kien mistoqsi dwar jekk qattx ra lil Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, f'Kastilja.

Carbone wieġeb fin-negattiv. "Qatt ma kellimt lil Yorgen Fenech, Naf kif jidher mill-midja," insista Carbone.

Spjega kif l-uffiċċju tiegħu kien jinsab fit-tielet sular ta' Kastilja. Ta' Keith Schembri, l-eks Chief of Staff kien fit-tieni sular u li biex wieħed jaċċessa dan is-sular ried jitla' bil-lift perezz ta' card.

'Qatt ma kont involut f'diskussjonijiet dwar il-Panama Papers'

Carbone kien mistoqsi wkoll dwar il-Panama Papers u l-inkjesta Egrant.

Mistoqsi jekk kienx involut f'diskussjonijiet dwar dan huwa saħaq li kien ikun mitkellem biss meta jkun hemm bżonn jippubblika xi stqarrija uffiċjali.

"Meta kont ningħata informazzjoni li konnha se niċħdu xi allegazzjoni, kont noħroġ stqarrija. Qatt ma kont involut f'diskussjonijiet dwar il-Panama Papers," saħaq Carbone.

Min kienu n-nies li mblokkaw il-ġurnalisti f'Kastilja?

Anke jekk l-Avukat tiegħu oġġezzjona, Carbone kien mistoqsi dwar il-ġurnata meta l-ġurnalist ssakkru f'Kastilja sakemm Joseph Muscat ħalla l-binja u dan wara konferenza fit-3am fil-qalba tal-kriżi politika ta' xahrejn ilu.

Carbone insista li l-ebda ġurnalist ma kien imsakkar u li din kienet prassi normali.

Huwa qal li n-nies li kienu nġabbru quddiem Kastilja dakinhar, ippruvaw jidħlu ġewwa l-binja u hu ried iħassar il-konferenza iżda l-Prim Ministru ma riedx. "Għajruna annimali," insista Carbone.

Qal li bl-għajnuna tal-Pulizija, firdu l-ġurnalisti minn mal-pubbliku biex setgħu daħħlu ġewwa.

Carbone jibqa' ma jweġibx

Carbone baqa' ma weġibx, minkejja l-insistenza, għall-mistoqsija tal-Imħallef Mallia dwar min kienu l-persuni li dehru jimblokkaw il-bibien biex il-ġurnalisti ma joħorġux, jekk kinux Pulizija, membri tal-Armata jew inkella nies ċivili.

Għal darba darbtejn il-bord staqsih min kienu u min bagħathom. Carbone saħaq li wieħed minnhom kien Ronnie Vella, membru fl-Uffiċċju tal-Kommunikazzjoni ta' Kastilja.

L-Avukat Comodini Cachia wrietu r-ritratti tal-persuni l-oħra, bl-Avukat Charlon Gouder jilmenta u l-Imħallef Mallia jirrabbja u jisħaq li mhux huma jiddeċiedu xi jwieġbu u x'ma jweġbux.

"Fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija, hu mifhum li qed jinvestigaw kull persuna involuta," insista Gouder. Mistoqsi jekk tkellimx mal-Pulizija dwar dan l-inċident, Carbone wieġeb fin-negattiv.

"Se nistaqsik għall-aħħar darba. Min kienu? Għidilna," għolla leħnu l-Maġistrat b'Jason Azzopardi, l-Avukat tal-familja Caruana Galizia, jakkuża lil Carbone li qed jaħseb li huwa 'l fuq mil-liġi.

Id-dibattitu baqa' jiħrax, bil-bord jordna lil Carbone jwieġeb, l-Avukat tiegħu jargumenta bil-kontra, l-Avukati tal-familja Caruana Galizia jmeruh u Carbone jinsisti li dwar il-każ għaddejin investigazzjonijiet.

Fl-aħħar iċedi u jgħid min huma...

Fl-aħħar, Carbona wieġeb. Qal li wieħed minnhom huwa Joseph Scerri u jaħdem fil-customer care tal-Gvern u ieħor jismu Reuben Sciberras li jaħdem ma' Ministru.

"Nafhom minn wiċċhom," kompla.

Huwa u jħares lejn ritratt ta' persuna oħra li kienet fil-kamra mal-ġurnalisti, Carbone qal li wiċċu mhux ġdid iżda ma kienx jaf min hu.

Azzopardi jistaqsih jekk huwiex Mark Gauci, canvasser tal-Ministru Aaron Farrugia.

Ħaddiem ieħor tal-customer care u li għaraf Carbone huwa Mikhael Spiteri u raġel ieħor li kien mal-bieb jismu Jason Bonnici.

Qal li l-persuni l-oħra jaħdmu fid-dawl u ħaddiema oħra ta' Kastilja.

"Dak kull ma ridna," saħaq il-bord. B'Carbone jisħaq li hu ma ta l-ebda struzzjonijiet biex jissakkru l-bibien.

Oħt Daphne tippreżenta sensiela ta' dokumenti dwar Josef Caruana u Neville Gafà

Oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella, ippreżentat sensiela ta' dokumenti, li jinkludu wkoll screenshots u artikli u li jirrigwardjaw iż-żewġ xhieda Josef Caruana u Neville Gafà.

Hija saħqet li Vella kiteb diversi editorjali li fihom sejjaħ għall-"eliminazzjoni" ta' ġurnalisti u kien parti minn kampanja kontra Caruana Galizia.

Fi kliemha, kien wieħed minn dawk li akkuża lill-familja Caruana Galizia bil-qtil tal-ġurnalista stess. Saħqet li hu kien parti minn "kampanja orkestrata" kontra oħtha.

Dwar Neville Gafà ppreżentat ukoll screenshots ta' Facebook posts, inkluż il-hashtag li kien uża "#galiziabarra."

Ippreżentat ukoll ritratti li ppubblika Gafà ta' Caruana Galizia, inkluż lejlet li nqatlet, liema ritratti kienu ttieħdu minn persuni li fi kliemha, kienu qed isusu warajha.

Luke Dalli u Glenn Bedingfield
Luke Dalli u Glenn Bedingfield

Matthew Caruana Galizia jippreżenta lill-Qorti b'CD u rapport dwar Glenn Bedingfield

Warajha tela' wkoll Matthew Caruana Galizia li ppreżenta lill-Qorti CD u rapport dwar il-blogg li kellu Glenn Bedingfield.

Spjega meta dan kien l-aktar attiv, jiġifieri fiż-żmien wara li faqsu l-Panama Papers.

Ir-rapport, skont Matthew Caruana Galizia, jinkludi wkoll lista tal-'hate groups' li fihom Bedingfield kien jew għadu membru u anke jiddokumenta l-programm li kien jippreżenta ma' Luke Dalli, jismu 'TANATNEJN' u li wkoll ġieli ddieħak b'Daphne Caruana Galizia.

Qal ukoll li Bedingfield kien sikwit jippostja ritratt ta' ommu, fosthom wieħed tagħha dieħla f'karozza, waħda mill-karozzi li kienu qed isegwu t-tliet irġiel akkużati bil-qtil tagħha.

"Tista' tara l-pjanza, fejn qiegħda, kollox," saħaq Caruana Galizia.

Qal li fi żmien meta l-blogg ta' Bedingfield ma kienx attiv kien hemm blogg ieħor jismu 'Taste Your Own Medicine.' Fi kliemu dan ingħalaq meta sar attiv dal ta' Bedingfield.

Jgħid li blogg partikolari li ħabbar il-qtil ta' Caruana Galizia tneħħa ftit wara. Jisħaq li hu rah b'għajnejh.

Caruana jikkonferma kliem iebes li għadda fil-konfront ta' Daphne

Xehed Josef Caruana, bil-bord jaqralu kliem iebes li għadda fil-konfront ta' Daphne Caruana Galizia, fosthom li għandha tisparixxi mill-ġurnaliżmu.

Huwa kkonferma li ġieli kiteb dan il-kliem u anke editorjali oħra dwarha meta kien editur.

L-Imħallef jistaqsih dwar Tweet fuq il-karozza ta' Caruana Galizia

L-Imħallef Said Pullicino staqsih dwar Tweet li kien kiteb dwar il-fatt li lejlet l-assassinju, Matthew Caruana Galizia ħalla l-karozza pparkjata barra.

Staqsih x'ried jimplika biha.

Qal li diġà talab maħfra għal dak li kiteb. Il-bord insista li kien talab maħfra lil Joseph Muscat għall-inkwiet li qala' u mhux lill-familja.

Aktar tard kien mistoqsi jħossux komdu dwar ċertu kummenti, posts u tweets u qal li hu dejjem kien attent x'jikteb. Qal li meta kien hemm il-bżonn u s-superjuri tiegħu, bħala ħaddiem tal-Gvern, ġibdulu l-attenzjoni, mill-ewwel talab maħfra.

Caruana jaħdem f'Kastilja u ma jafx x'kien l-irwol ta' Gafà

Caruana li jaħdem f'Kastilja kien mistoqsi dwar Neville Gafà.

Ikkonferma li kien jaf li jaħdem f'Kastilja iżda ma kienx jafx xi rwol kellu.

Lil Yorgen Fenech ġieli rah?

Anke Caruana kien mistoqsi jekk qattx ra lil Yorgen Fenech. Wieġeb fin-negattiv.

Qal biss li hu jaħdem sal-5pm u l-laqgħat ġieli jibqgħu għaddejin sa nofsilejl.

L-għan tal-inkjesta pubblika huwa li tistabbilixxi jekk l-Istat bl-azzjonjiet jew in-nuqqas tagħhom setax ħoloq klima li wasslet għall-assassinju tal-ġurnalista u anke jekk setax b’xi mod jippreveni li dan iseħħ.

More in Politika