Il-PN jisħaq li ma għandux problemi biex ilaħħaq mal-obbligazzjonijiet tal-iskema Ċedoli

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista insista li mexa mal-pjan li tħejja u d-dejn naqas mhux żdied u qed jintlaħqu l-pagamenti kollha dovuti

Il-Partit Nazzjonalista serraħ ras dawk li ħadu sehem fl-iskema Ċedoli u insista li l-Partit ma għandu l-ebda problema li jlaħħaq mal-obligazzjonijiet tiegħu biex iħallas lura lil dawk li selfuh il-flus.

“L-iskema Ċedoli kienet suċċess mill-ewwel ġurnata u l-iskema kompliet tikseb l-appoġġ,” saħqet l-istqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista kien qiegħed jirreaġixxi għall-istorja ppubblikata fuq MaltaToday dwar id-dejn tal-Partit Nazzjonalista u li skont sorsi differenti u eks uffiċjali tal-PN dan ilaħħaq it-€34 miljun

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jiċħad dan, anke jekk saħaq li d-dejn tal-Partit ilaħħaq il-miljuni.

Insista li l-Partit Nazzjonalista mexa mal-pjan li tħejja u d-dejn naqas mhux żdied u qed jintlaħqu l-pagamenti kollha dovuti.

L-istqarrija saħqet ukoll li sena wara sena d-dejn ta’ Media.Link qed jonqos ukoll b’rata mgħaġġla biex ma tibqax tagħmel aktar telf.

Fl-aħħar jiem kemm Clyde Puli u Robert Arrigo saħqu li l-amministrazzjoni ta’ Adrian Delia wirtet sitwazzjoni finanzjarja prekarja u t-tnejn li huma tefgħu t-tort fuq l-amministrazzjonijiet preċedenti, partikolarment dik ta’ Gonzi bejn l-2004 u l-2012, fi żmien meta l-PN bena mill-ġdid id-Dar Ċentrali.

Arrigo saħansitra qal li kienu għadu kemm ħallas għall-madum tal-irħam li nxtara qabel l-elezzjoni tal-2008 u li kien għadu qed iħallas kontijiet ta’ qabel l-istess elezzjoni.

Intant, l-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech saħqet li l-amministrazzjoni Busuttil ħalliet lill-PN f'sitwazzjoni finanzjarja aħjar mill-2013

More in Politika