Fenech tisħaq li l-amministrazzjoni Busuttil ħalliet lill-PN f'sitwazzjoni finanzjarja aħjar mill-2013

Dan minkejja li fl-aħħar jiem kemm Clyde Puli u Robert Arrigo saħqu li l-amministrazzjoni ta’ Adrian Delia wirtet sitwazzjoni finanzjarja prekarja u t-tnejn li huma tefgħu t-tort fuq l-amministrazzjonijiet preċedenti

L-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech saħqet li l-amministrazzjoni ta’ Simon Busuttil kien wirtet sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ħafna li kienet ilha tippersisti għal diversi snin fil-Partit Nazzjonalista iżda rnexxielha tibda tfejjaqha.

Ann Fenech bagħtet ittra lil MaltaToday biex tiċċara xi dikjarazzjonijiet li saru dwar id-dejn tal-Partit Nazzjonalista li skont l-istess gazzetta jlaħħaq it-€​34 miljun.

Fenech, li kienet President tal-Eżekuttiv bejn l-2014 u l-2017, saħqet li fi żmienha numru ta’ esperti kienu qed joffru l-għajnuna tagħhom biex il-PN ikollu pjan finanzjarju ta’ 15-il sena biex il-partit jifdi d-dejn.

Hija saħqet li l-Partit Nazzjonalista mill-ewwel ikkontrolla s-sitwazzjoni u f’Novembru tal-2017 is-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN kienet ħafna aħjar minn kif sabitha l-amministrazzjoni Busuttil fl-2013.

Fenech saħqet li sal-2017 il-kampanji elettorali kollha, inkluż dik ġenerali tal-2017, kienu tħallsu kollha.

Fl-aħħar jiem kemm Clyde Puli u Robert Arrigo saħqu li l-amministrazzjoni ta’ Adrian Delia wirtet sitwazzjoni finanzjarja prekarja u t-tnejn li huma tefgħu t-tort fuq l-amministrazzjonijiet preċedenti, partikolarment dik ta’ Gonzi bejn l-2004 u l-2012, fi żmien meta l-PN bena mill-ġdid id-Dar Ċentrali.

Arrigo saħansitra qal li kienu għadu kemm ħallas għall-madum tal-irħam li nxtara qabel l-elezzjoni tal-2008 u li kien għadu qed iħallas kontijiet ta’ qabel l-istess elezzjoni.

More in Politika