Id-dejn fil-Partit Nazzjonalista jmiss l-€34 miljun

Is-sena li għaddiet, il-midja tal-PN għamlet telf ta' €2 miljun

Id-dejn li l-Partit Nazzjonalista akkumula minn żmien it-tmexxija ta' Lawrence Gonzi issa qiegħed imiss l-€34 miljun.

Żvelat dan il-gazzetta oħt MaltaToday hekk kif eks uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista tkellem magħha dwar din is-sitwazzjoni prekarja fil-finanzi tal-Partit Nazzjonalista u li wasslet biex il-Partit isibha diffiċli biex isib nies ġodda biex jidħlu fi rwoli amministrattivi importanti.

Fil-fatt ta' min ifakkar li l-Partit Nazzjonalista ilu xhur ma jistax isib teżorier, tant li din il-kariga kellu jidħol għaliha Robert Arrigo fi żmien meta kien Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit. Arrigo rriżenja minn kull kariga fil-Partit Nazzjonalista.

Skont informazzjoni li kienet rat il-MaltaToday fl-2017, il-PN kellu dejn ta' €25 miljun. Madanakollu, is-sors li tkellem mal-istess gazzetta spjega kif id-dejn ilaħħaq l-€34 miljun.

Din il-figura kienet ikkonfermata mit-tieni sors.

Hu mifhum ukoll li fl-2019 biss, il-midja tal-Partit Nazzjonalista tilfet madwar €2 miljun.

Dan kollu qed jagħmilha diffiċli għall-Partit Nazzjonalista biex ilaħħaq mal-iskema ċedoli, hekk kif fi żmien seba' snin irid iħallas lura lil dawk li investew. 

Id-dejn qiegħed jagħmilha diffiċli għall-Partit Nazzjonalista biex jorganizza lilu nnifsu sew, bis-sorsi jisħqu li ma hemmx flus biex il-PN jorganizza kampanja elettorali.

Fl-ittri tar-riżenji tagħhom, kemm Clyde Puli u anke Robert Arrigo għamlu referenza għad-dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista. Arrigo saħansitra saħaq li sa ftit ilu kien għadu qiegħed iħallas għall-madum tal-iħam li sar fl-2008, jiġifieri fi żmien Lawrence Gonzi u Joe Saliba. 

More in Politika