'Biex iqaċċtu lilek qerdu partit' - Robert Arrigo fl-ittra tar-riżenja lil Adrian Delia

Fl-istess ittra Robert Arrigo jikkritika wkoll lil Delia u jisħaq li f'ċertu sitwazzjonijiet kellu jieħu azzjoni iżda ma ħadhiex

"Biex iqaċċtu lilek qerdu partit.” Hekk qal Robert Arrigo lil Adrian Delia fl-ittra tar-riżenja tiegħu minn Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit.

Fl-ittra, ippubblikata llum f’paġna tlieta tal-ġurnal in-Nazzjon, Robert Arrigo jakkuża lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li hedded l-istabbilità finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.

F’din l-ittra, mibgħuta lil Delia, Arrigo jakkuża lill-Grupp Parlamentari li ħoloq ostakli bil-għan li l-Partit ma jiħux ruħ finanzjarjament. Fi kliemu, kemm kien ilu jokkupa din il-kariga u anke dik ta’ teżorier, ħadem biex iżid id-dħul minkejja l-ostakli li sab.

Huwa insista li għandha tintreda r-responsabbilità kollettiva filwaqt li akkuża lill-istess Deputati li ħadd minnhom qatt ma ħareġ “bi pjan konkret għall-PN.”

Fl-ittra huwa jagħmel referenza għad-dejn li wiret il-Partit Nazzjonalista, referenza għal żmien Lawrence Gonzi u Joe Saliba u saħaq li għall-kuntrarju huwa kellu pjan ta’ 10 snin biex is-sitwazzjoni tistabbilizza ruħha.

“Konxjament jew le, il-Grupp Parlamentari, bl-azzjonijiet tiegħu, farrak dan, inkluż ir-responsabbilita li jkunu assigurati biżżejjed fondi biex jitħallsu l-impjegati kollha,” saħaq Arrigo.

Lejn tmiem l-ittra, Arrigo jikkritika wkoll lil Delia u jisħaq li kellu jieħu azzjoni fuq ċertu sitwazzjonijiet. 

“It-tajjeb kollu li għamilt mhux jinbiegħ. In-nies iridu proposti, direzzjoni, tweġibiet u kjarezza,” qal Arrigo lil Delia.

Temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista “seta’ għamilha.”

Qal li se jkun qed iżomm postu bħala Deputat u se jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni fuq id-9 u l-10 distrett. 

Aqra wkoll:

More in Politika