Il-kumpanija tal-Karnival b'karru li jiddieħak bil-pedofelija kienet ġiet imwissija

Festivals Malta tisħaq li  l-isketch ippreżentat lilha kien nieqes minn dettalji

Festivals Malta ħarġet stqarrija li fiha saħqet li l-kumpanija tal-Karnival li lbieraħ spiċċat f’nofs kontroversja kienet ġiet imwissija li d-disinn tal-karru sottomess kien jinkludi dettalji u aspetti defamotorji, anke jekk it-tema tiegħu kienet waħda satirika.

Saħqet ukoll li l-isketch ippreżentat lilha kien nieqes minn dettalji oħra li qiegħdin ikomplu jżidu l-element defamatorju.

Il-Karru tal-Karnival kien qed jagħmel referenza għall-każi ta' pedofelija fl-Istitut ta' San Ġużepp f'Santa Venera, iż-żwieġ bejn persuni LGBTIQ u anke l-liġi tal-IVF, u fil-qalba tiegħu kien hemm l-Arċisqof Charles Scicluna.

Fuq ordni tal-Ministru responsabbli mill-kultura, Josè Herrera, dan il-karru mhux se jkun qiegħed jipparteċipa.

Festivals Malta kkonfermat li ħarġet komunikat separat li permezz tiegħu qed tinforma l-kumpanija rispettiva li dan il-karru mhux ser ikun qiegħed jitħalla jipparteċipa fl-edizzjoni tal-Karnival 2020.

“Festivals Malta filwaqt li tiddiżassoċja ruħha minn dawn l-elementi defamatorji hekk kif qed jiġu proposti biex jiġu preżentati, temmen bi sħiħ fl-espressjoni kulturali u artistika, u tagħraf li m’għandux ikun hemm barrieri li jxekklu il-kreattività.  Madankollu għalkemm l-artisti illum igawdu mil-liberta tal-espressjoni bla preċendent, fl-istess waqt il-parametri tal-liġijiet għandhom dejjem jiġu osservati u rispettati,” tagħlaq l-istqarrija.

More in Politika