'Għalfejn għandi nagħmel apoloġija lill-familja Caruana Galizia? Mela l-istat naqas?'

Robert Abela jinsisti li l-protesta ta' nhar il-Ħadd li ġej 'm'hemmx lokha'

Robert Abela | Ritratt ta' Xarabank
Robert Abela | Ritratt ta' Xarabank

Meta kien qed jirrispondi l-mistoqsijiet illejla fuq il-programm Xarabank Robert Abela, kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista u għat-tmexxija tal-pajjiż, qal li m'għandux għalfejn jitlob skuża lill-familja Caruana Galizia  jekk ikun elett Prim Ministru. 

"Għaliex għandi niskuża ruħi ...? Mela l-istat naqas f'xi ħaġa? L-Istat ta r-riżorsi kollha biex jissolva l-każ u għad hemm investigazzjonijiet għaddejjin," fakkar Abela.

"Nifhem lit-tfal u l-familja Caruana Galizia," qal qabel saħaq illi min naqas irid iwieġeb.

Dwar Egrant fakkar li huwa ċar li din ma kinitx tal-Prim Ministru. "Il-ħajja tal-politika tmur lilhinn mill-provi. Imma jekk hemm allegazzjonijiet oħrajn sejri (fuq Egrant) m'hemm xejn xi jwaqqaf milli issir inkjesta. Imma ma nistgħux nibqgħu ninvestigaw l-istess allegazzjonijiet," sostna Abela. 

Huwa qal li l-protesta ta' nhar il-Ħadd, ftit qabel ma jkun elett Prim Ministru ġdid, m'hemmx lokha, anke jekk qal li kulħadd għandu dritt jipprotesta. 

Mistoqsi jikkunsidrax lil Joseph Muscat bħala President tar-Repubblika huwa qal li l-Prim Ministru ma tantx wera' xi interess għal kariga bħal din. Qal ukoll li ma jagħtix każ tal-kamp politiku minn fejn ġej il-President, imma jekk huwiex kapaċi jgħaqqad. "Naturalment m'jien se neskludi lil ħadd, lanqas lil persuna Laburista." 

Abela fakkar illi nies ittellgħu l-Qorti fuq il-każ tal-iskandlu tax-xiri taż-żejt, imma saħaq li l-proċess miexi wisq bil-mod. "Kull każ ta' korruzzjoni għandu jkun investigat, ta' qabel l-2013 u anke ta' wara," sostna Abela. 

Huwa qal li se jkun qed iżomm l-iskema taċ-ċittadinanza li qal illi għamlet ġid kbir. "Jekk hemm bżonn inżidu aktar id-diliġenza inżidu, anke jekk diġa' hemm ħafna. Imma l-programm taċ-ċittadinanza jibqa' hemm."

Huwa qal li jaqbel mar-riklamazzjoni tal-art u fakkar li din mhix xi ħaġa ġdida għal pajjiżna.  "Mhuwiex xi mostru r-riklamazzjoni jekk jintuża sew. Ma naqbilx imma, per eżempju biex jinbena bini għoli."

Ara hawnhekk x'qal Chris Fearne fl-istess programm.

More in Politika