Fearne jżomm mad-deċiżjoni tal-Kabinett u ma jikkunsidrax maħfra Presidenzjali lil Yorgen Fenech

Jindika lil Robert Abela bħala Ministru jekk ikun PM hu u jikkonferma li Anton Refalo huwa persuna valida ħafna

Chris Fearne, Ministru u kandidat prospettiv għall-PM
Chris Fearne, Ministru u kandidat prospettiv għall-PM

Meta kien qed jirrispondi mistoqsijiet fuq il-programm Xarabank Chris Fearne, kandidat għat-tmexxija tal-PL u għal Prim Ministru, sostna illi hu se jżomm mar-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija u d-deċiżjoni tal-Kabinett u mhuwiex se jerġa jevalwa t-talba ta' Yorgen Fenech għal maħfra Presidenzjali.

Huwa ammetta illi l-akbar żball tal-Gvern Laburista fl-aħħar snin kien li d-Deputati u l-Ministri, inkluż hu, ma kinux b'saħħithom biżżejjed fuq il-kwistjoni tal-Panama Papers. 

Mistoqsi jiddispjaċihx li ddefenda lil Keith Schembri u Konrad Mizzi huwa sostna illi "kollha kemm aħna u l-partit ma konniex biżżejjed iebsin fuq il-kwistjoni tal-Panama."

Hu qal illi jrid jara li r-riżorsi tal-FIAU jiżdiedu billi jkollha dritt tinvestiga waħedha imma wkoll tgħaddi informazzjoni lill-Pulizija jew il-Prosekutur Pubbliku biex dawn jieħdu passi.

Huwa ma eskluda xejn fil-ħatra tal-President tar-Repubblika anke jekk sostna li hu jippreferi, sa issa, illi jżomm il-prassi li l-President ikun ġej mill-partit politiku illi jaħtru. 

Dwar il-qtugħ ta' dawl Fearne qal illi kieku għall-PN konna nibqgħu niddependu fuq l-interconnector u allura llum għandha problema serja ħafna

Dwar il-Ministri ma indika xejn ċar ħlief illi Robert Abela probabbilment jingħata Ministeru u anke Anton Refalo, li ddeskrivieh bħala persuna 'valida ħafna'. Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif Refalo jsib ruħu lura fil-Kabinett jekk ikun elett Fearne. 

Mistoqsi jekk hux lest jitlob skuża lill-familja Caruana Galizia, Fearne qal illi jekk l-inkjesta pubblika ssib nuqqasijiet minn naħa tal-Gvern, jitlob skuża. 

Dwar l-immigrazzjoni Fearne sostna illi mhuwiex sew illi jitħallew immigranti deħlin f'pajjiżna li suppost ma jkunux hawn, iżda l-Italja u saħaq li jrid illi jiftaħ diskussjoni mal-Unjoni Ewropea fuq din il-kwistjoni. 

More in Politika