Rapport Egrant | Jiddiskutu ma' ċittadin Ċiniż it-twaqqif ta' entità 'bl-għajnuna ta' Sai'

Il-Maġistrat jinnota l-ħbiberija bejn Keith Shembri, Konrad Mizzi u Brian Tonna ... Konrad Mizzi jibgħat stqarrija biex jispjega

Fir-rapport tal-inkjesta Egrant, għal aktar minn darba, il-Maġistrat Aaron Bugeja jagħmel referenza u jinnota dik li hu jsejħilha bħala "relazzjoni b'saħħitha" bejn Konrad Mizzi, Keith Schembrin u Brian Tonna.

Fil-fatt, it-tlieta li huma kellhom ikunu preżenti għal-laqgħa li saret f'Ġunju tal-2014 ma' Cheng Chen biex jiddiskutu flimkien mudelli ta' negozji, l-enerġija, it-turiżmu u setturi oħra.

Dan Cheng Chen huwa klijent ta' Nexia tant li bl-għajnuna tagħha sar sid tal-kumpanija Torbridge fil-BVI, waħda mill-kumpaniji li waqqfet Nexia u li Karl Cini naqas milli jsemmi fix-xhieda tiegħu mal-Maġistrat Aaron Bugeja. Dil-kumpanija kellha wkoll kont fil-bank Pilatus.

Tissemma Private Public Partnership għal MACHIN (Malta China) Project, li kellha tkun entità għall-promozzjoni ta' investiment bejn iċ-Ċina u Malta. Din l-entità kellha tkun irreġistrata Malta u 100% kkontrollata minn kumpanija fil-British Virgin Islands.

"Din l-entità kellha tkun awtorizzata mill-Gvern Malti bħala l-uniku aġenzija rappreżentattiva Maltija għall-promozzjoni tal-investiment fiċ-Ċina," jgħid ir-rapport. "Jissemma wkoll li l-mekkaniżmu koperattiv kellha titwaqqaf bl-għajnuna ta' ċertu persuna jisimha Sai. Din tista' tkun Sai Mizzi Lang, il-mara ta' Konrad Mizzi."

Konrad Mizzi jwieġeb:

(Din hija l-istqarrija sħiħa li bagħat l-eks Ministru Konrad Mizzi)

Ir-rapport tal-Inkjesta Egrant Inc. jagħmel referenza għal proposta ta’ Public Private Partnership li saret fl-2014 lill-Gvern Malti minn ċittadin Ċiniż, li dak iż-żmien kien jaħdem bħala konsulent b’esperjenza fil-kummerċ u investmenti miċ-Ċina. Din kienet proposta għal kooperazzjoni mal-Gvern Malti biex issir entità reġistrata f’Malta li sservi bħala katalist għal investituri Ċiniżi. 

Il-Gvern jirċievi bosta proposti ta’ investiment, uħud minnhom f’forma ta’ kooperazzjoni mal-Gvern. Din il-proposta li tissemma’ fir-rapport tal-Inkjesta Egrant Inc ma kinitx ġiet żviluppata, ma sarx xogħol fuqha, u għalhekk ma ntlaqgħetx. Sai Mizzi, li dak iż-żmien kienet rappreżentanta tal-Malta Enterprise fiċ-Ċina, qatt ma ġiet avviċinata biex taħdem fuq din il-proposta.

Nifhem li l-informazzjoni kollha kienet għad-dispożizzjoni tal-Maġistrat Inkwirenti. Jien ninsab sodisfatt li l-Inkjesta ikkonfermat li jien qatt ma kelli kontijiet fil-Bank Pilatus, qatt ma rċevejt flusijiet mill-Ażerbajġan, u qatt ma għamilt ħasil ta’ flus. L-allegazzjonijiet kollha fuqhi irriżultaw li kienu foloz.

More in Politika