'Ir-rapport Egrant se jikkonferma illi dak li sar fuq Muscat u familtu kien frame up' - PL

Il-PL kompla jgħid illi Muscat qatt ma kellu problema jippubblikah 'għalkemm fl-aħħar xhur stenna l-eżitu ta’ kawża li fetaħ l-istess Adrian Delia'

Ftit minuti biss wara li l-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppubblika r-rapport kollu dwar Egrant il-Partit Laburista qal illi l-pubblikazzjoni b’mod sħiħ tal-inkjesta Egrant "tista’ biss tikkonferma dak li ħareġ mill-konklużjonijiet li kienu diġa’ ppubblikati. Fi kliem sempliċi dak li l-qlajja li Egrant kienet tal-familja tal-Prim Ministru kienet l-ikbar frame up politiku fl-istorja politika. Frame up politiku li wieħed mill-arkitetti tiegħu kien Simon Busuttil."

Il-PL kompla jgħid illi Muscat qatt ma kellu problema jippubblikah "għalkemm fl-aħħar xhur stenna l-eżitu ta’ kawża li fetaħ l-istess Adrian Delia."

L-istqarrija tfakkar illi minnufih il-Prim Ministru beda proċess biex il-pubblikazzjoni ssir b’mod li ma tippreġudikax l-investigazzjoni u jkunu mħarsa d-dettalji ta’ persuni li m’għandhomx x’jaqsmu xejn mal-każ.

"Iżda, Adrian Delia," kompla jgħid il-PL, "ma riedx jistenna dan il-proċess. Dan għax irid jippreġudika l-investigazzjonijiet, fost oħrajn biex jiddefendi l-ħażen fil-Partit Nazzjonalista li ħoloq u mexxa ‘l quddiem dan il-frame up politiku."

L-istqarrija tgħid illi Adrian Delia bil-pubblikazzjoni tar-rapport "se jkun qed jippreġudika wkoll investigazzjonijiet oħra meta suppost jgħid li jrid ġustizzja u ta’ dan se jiġi żmien li jrid jerfa’ r-responsabbiltà."

"B’li għamel illum Delia se jkun ta l-konferma li Egrant kienet gidba, iżda se jkun qed iħares lil min ħoloqha. Se jkun qed jippreġudika wkoll il-kors tal-ġustizzja," temm jgħid il-Partit Laburista. 

 

More in Politika