Aġġornata | 'Yorgen ċempilli u qalli li se jkolli laqgħa ma' Keith Schembri' - Melvin Theuma

Theuma ngħata l-maħfra Presidenzjali wara li kixef informazzjoni dwar il-każ ta' Daphne Caruana Galizia

Melvin Theuma wasal il-Qorti biex jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat li huma akkużati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.

Theuma jiddefinixxi lilu nnifsu bħala l-intermedjarju f'dak il-każ u ngħata l-maħfra Presidenzjali wara li kixef l-informazzjoni kollha li kien jaf.

Fil-bidu tas-seduta, il-Qorti wissiet lil Theuma li anke jekk mhux se jittieħdu passi kontrih għax ingħata l-maħfra Presidenzjali, il-Qorti tista' tipproċedi kontrih jekk jikser il-kundizzjonijiet tal-proklama u ma jgħaddix l-informazzjoni kollha li jaf.

X'kienu l-punti ewlenin li ħarġu mix-xhieda sa issa?

  • Wara li bdew bil-pjan biex joqtlu lil Daphne, Fenech jgħid lil Theuma li kien se jkollu laqgħa ma' Keith Schembri
  • Il-laqgħa kellu jorganizzaha Sandro Craus, l-assistent personali tal-PM
  • Melvin Theuma jingħata xogħol mal-Gvern
  • Il-pjan ikun sospiż meta titħabbar l-elezzjoni
  • Fenech jgħidlu biex ikomplu bil-pjan dakinhar tar-riżultat tal-elezzjoni tal-2017
  • Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech huwa l-mandant
  • Yorgen Fenech kien jaf minn qabel li se jsir rejd fit-tinda tal-patatat
  • Wara l-arrest tat-tlett irġiel, Fenech jibża' li Yorgen se jeliminah
  • Jiltaqa' ma' "impjegat" ta' Kastilja biex jgħaddi messaġġ lill-irġiel li kellhom jirċievu miljun meta jingħataw il-ħalsien mill-arrest

'Fenech ċempilli u qalli biex immur l-uffiċċju tiegħu'

Mistoqsi dwar kif sar jaf lil Yorgen Fenech, l-intermedjarju qal li sar jafu min-negozju li kellu tal-logħob fuq l-idejn.

"Darba minnhom kont ix-xogħol, mort id-dar ... u ċempilli Yorgen Fenech u qalli biex immur l-uffiċċju tiegħu.

Kienu ħbieb kbar u siefru flimkien...

Melvin Theuma qal li kien ħabib ta' Fenech tant li kemm-il darba siefru, flimkien ma' xi ħbieb u kollox kien ikun "b'xejn."

Yorgen Fenech
Yorgen Fenech

Qal li darba meta kienu Franza, Fenech tah parir. "Qalli li darba tkellem ma' xi ħadd u rrekordjah. Jiena ħadtha li qed jgħid li jiena kont irrekordjajtu."

Il-laqgħa saret qabel l-elezzjoni tal-2017

Theuma spjega kif il-laqgħa saret fl-2017, qabel ma tħabbret l-elezzjoni ġenerali.

Iltaqgħu ħdejn ristorant f'Portomaso u Yorgen Fenech staqsih jekk kienx jaf lil George Degiorgio.

Fenech jgħidlu li riedu joqtol lil Daphne

Theuma qallu li kien jaf lill-aħwa Degiorgio għax darba kienu krew appartament mingħandu.

Skont ix-xhieda tiegħu, Yorgen Fenech qallu li kellu bżonn joqtol lil Daphne Caruana Galizia "għax kellha storja dwar żijuh."

Jumejn wara, Theuma jiltaqa' ma' Alfred Degiorgio għand il-Busy Bee

Ma tantx ħela ħin. Jumejn wara, Melvin Theuma ltaqa' ma' Alfred Degiorgio għand il-Busy Bee tal-Imsida.

Qablu li jagħtih €150,000 biex jinqasmu bejn it-tlett irġiel u €30,000 kellhom jingħataw qabel il-qtil.

'Se jkollok laqgħa ma' Keith Schembri' - Yorgen lil Melvin

Skont l-intermedjarju, ftit wara, ċempillu Yorgen Fenech biex jgħidlu li se jċempillu Sandro Craus minn Kastilja. "Qalli li se jkolli laqgħa ma' Keith Schembri."

Theuma mar u ltaqa' ma' Keith Schembri. Ħadu b'idejn xulxin u ħadu ritratt ukoll. Craus informah li kienu se jagħtuh impjieg mal-Gvern. Skont Theuma dam jaħdem mal-Gvern ftit ġimgħat biss.

Il-jott li fuqu Yorgen Fenech inqabad jipprova jħalli l-pajjiż
Il-jott li fuqu Yorgen Fenech inqabad jipprova jħalli l-pajjiż

Skont Theuma, hu kien iltaqa' ma' Keith Schembri qabel, f'farmhouse fiż-Żebbuġ.

Il-pjan ġie sospiż meta tħabbret l-elezzjoni iżda kompla meta ħareġ ir-riżultat

Skont Melvin Theuma, ftit wara li tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Yorgen Fenech ċempillu u qallu biex iwaqqaf kollox.

Madanakollu, dejjem skont Theuma, dakinhar li ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni, Fenech li skontu kien "jinstema' fis-sakra," qallu biex ikomplu bil-pjan li joqtlu lil Daphne.

Qal li minħabba l-fatt li semgħu fis-sakra ma tax kas tiegħu u meta reġa' ltaqa' miegħu ma semma xejn.

Iżda meta aktar tard ġabar lil Fenech mill-ajruport, tah envelop li kellu fih flus għal Alfred Degiorgio. "Ikkonfermali li l-pjan kellu jkompli."

F'dan l-envelop kien hemm il-flus kollha.

Yorgen Fenech kien iċempillu ta' spiss biex iħaffu

Wara dan, Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech kien iċempillu kważi kuljum biex ifittxu joqtlu lil Daphne għax kien qed jibża' li jinkixfu.

"Kont ngħid lili nnifsi li din mhux vera għal żijuh ... iżda għalih," kompla Theuma.

Fenech iwissih biex ma jiġrix kif kien ġara lil Romeo Bone

Darba minnhom, kompla jixhed Theuma, ċempillu Yorgen Fenech biex jgħid lil Alfred Degiorgio biex ikun sigur li ma jiġrix kif ġara fil-każ ta' Romeo Bone.

Għal min ma jiftakarx, Romeo Bone kien vittma ta' karozza bomba. Minkejja li tilef saqajh, kien salva.

Meta qal lil Degiorgio, dan wieġbu: "Mietu daqs dawk bulijiet, ma tmutx din?"

Alfred Degiorgio jagħtih mowbajl u jinsisti miegħu biex ma jiltaqgħux aktar

Degiorgio kien ta mowbajl lil Melvin Theuma u qallu biex jikkommunikaw biss permezz tiegħu u ma jiltaqgħux aktar.

Madanakollu, darba minnhom, ħadu l-Bidnija biex jgħidlu minn fejn kienu qed isegwu l-passi ta' Daphne.

'Bżajt ħafna meta smajt li seħħ il-qtil'

Meta sema li seħħ il-qtil, Melvin Theuma qal li kien imbeżża' ħafna. Fil-fatt, mar jiltaqa' ma' Yorgen Fenech f'Portomaso.

"Għidtlu dwar l-FBI u affarijiet bħal dawn."

Yorgen kif wieġbu?

It-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne
It-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne

"Fl-aħħar mill-aħħar mhux il-Pulizija ta' Malta se jinvestigaw?" kienet it-tweġiba ta' Yorgen Fenech, skont Theuma.

'Il-mandant huwa Yorgen għax hu ħallasni"

L-Ispettur Keith Arnaud staqsa lil Melvin Theuma jekk kienx hemm persuni oħra li staqsewh dwar il-qtil, iżda Theuma wieġeb fin-negattiv.

Insista li għalih il-mandant kien Yorgen Fenech, għax wara kollox hu ħalsu.

Il-Prosekuzzjoni baqgħet tagħfsu dwar jekk qattx sema' li xi ħadd ieħor kien involut, iżda Melvin Theuma baqa' jisħaq li hu jaf biss b'Yorgen Fenech.

Skont Theuma, Yorgen Fenech kien jaf li se jsir rejd mill-Pulizija

Theuma qal lill-Qorti wkoll li t-tlett irġiel akkużat bil-qtil ingħataw ħjiel li seta' kien hemm rejd fit-tinda tal-patata f'Diċembru tal-2017.

Jidher li kien Yorgen Fenech li infurmah nhar il-5 ta' Diċembri biex iwissieh li l-irġiel kienu fil-periklu għax kien se jsir rejd.

'Bżajt li Fenech se joqtolni'

Wara l-qtil, Melvin Theuma qal li għadda minn żmien diffiċli, beda jibża' li kienet ġejja tiegħu u beda jixrob u jieħu xi pinnoli.

"Wara li arrestaw lil Degiorgio għamilt testment għax għidt issa jien imiss," qal Theuma. "Għidt lili nnifsi li la Fenech wasal biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia biex jevita li toħroġ informazzjoni, ma kienx se jaħsibha darbtejn biex joqtol lili."

Alfred Degiorgio jċempillu u jgħidlu li kellhom bżonn €30,000 għall-avukat

Fi Frar tal-2018, Theuma mar ġimgħa Londra u permezz ta' persuna oħra, Alfred Degiorgio għamel kuntatt miegħu u qallu li kellhom bżonn €30,000 għall-avukat.

Il-kuġin tal-aħwa Degiorgio wkoll talbu €30,000.

Skont Theuma kien joħroġ il-flus u wara jitlobhom lil Yorgen Fenech iżda ġieli kien jistħi anke spiċċa ħareġ flus hu.

Il-bomba nħadmet għand Maksar

Theuma jgħid lill-Qorti li l-bomba li qatlet lil Caruana Galizia nħadmet għand Maksar.

Maksar huwa l-laqam tal-familja ta' żewġt irġiel li kienu arrestati f'Diċembru tal-2017 b'rabta mal-qtil, iżda nħelsu ftit wara.

Theuma jiltaqa' ma' "impjegat" minn Kastilja

Melvin Theuma kompla jgħid li darba minnhom iltaqa' ma' ċertu persuna, li allegatament huwa impjegat f'Kastilja.

"Għidt f'qalbi meta bagħtu Keith," kompla Theuma.

Dan kellu jibgħat messaġġ li t-tliet irġiel kellhom jirċievu miljun ewro kull wieħed wara li jingħataw il-ħelsien mill-arrest, iżda dan qatt ma ngħata u għalhekk ma kienx hemm ħlas.

"Ħadd ma bagħat għalih u kont għidtlu li se mmur jien stess għand Keith," kompla Theuma.

"Bdejt nirrikordja t-telefonati..."

Melvin Theuma kompla jgħid kif  beda jirrekordja t-telefonati meta beda jibża' li se jeħilsu minnu u meta beda jparla Vince Muscat.

Ir-recordings tefagħhom fi tliet pen drives.

Qal li pprepara pen drive bir-recordings li hu ħa f'Portomaso, fil-karozza u f'Levell 22. Magħhom poġġa ittra u anke r-ritratt li ħa Kastilja.

Fi kliemu, dan l-envelop bl-informazzjoni kienet l-assigurazzjoni tiegħu li jekk jiġri xi ħaġa lilu, l-informazzjoni toħroġ kollha.

Għaliex isemmi lil Keith Schembri fl-ittra?

Fl-ittra li kiteb, Melvin Theuma jsemmi lil Keith Schembri u jimplikah. Qal li semma lil Keith Schembri fiha għax Yorgen Fenech kien ħabib kbir tiegħu.

Ix-xhieda ta' Theuma ġiet sospiża sakemm il-Qorti tingħata kopja tar-recordings.

X'ġara fl-aħħar jiem?

Jumejn ilu, Vince Muscat,  kiteb lill-President tar-Repubblika biex mill-ġdid jitlob il-maħfra Presidenzjali, għax fi kliemu għandu ħafna informazzjoni importanti x'jgħaddi.

Huwa insista li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kellu sehem fid-deċiżjoni biex hu ma jingħatax il-proklama.

L-aħwa Alfred u George Degiorgio fetħu protest ġudizzjarju biex jikkontestaw il-maħfra Presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-każ.

Huma qed jisħqu li l-informazzjoni li ta Theuma ma kinitx ġdida u kienet ilha f'idejn il-Pulizija bis-saħħa ta' Vince Muscat.

Intant, ilbieraħ, ġiet ippubblikata ittra miktuba minn Melvin Theuma u li fiha jimplika lil Keith Schembri, l-eks Chief of Staff bħala kompliċi fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia flimkien ma' Yorgen Fenech.

Il-każ se jkompli fit-12 ta' Diċembru u wara fis-7 ta' Jannar

Il-Gvern jisħaq li Melvin Theuma ma ngħatax impjieg mas-Servizz Pubbliku

Intant, fi stqarrija, il-Gvern qal li isem Melvin Theuma ma jirriżulta mkien fl-informazzjoni dwar l-ingaġġ tal-Gvern.

"Ilbieraħ stess is-Segretarju Permanenti Ewlieni ordna li ssir verifika fir-rekords ta’ ingaġġ mal-gvern fejn instab li l-isem ta’ Melvin Theuma ma jiffigurax ma’ dawk li kienu impjegati mas-Servizz Pubbliku. Illum stess qed jerġa’ jsir verifikar mill-ġdid tad-data kollha filwaqt li ntalbu wkoll ir-rekords kollha tal-impjiegi mill-entitajiet kollha governattivi," qal il-Gvern.

Wiegħed li dawn ir-riżultati se jkunu ppreżervati biex ikunu disponibbli għal kull investigazzjoni kurrenti jew futura.

More in Politika