'Għidtulna li 'Malta Tagħna Lkoll' u għentu fil-qtil ta' ċittadina tagħna stess' - studenta

Għada protesta oħra tibda fis-6pm quddiem il-Parlament biex titlob ir-riżenja ta' Joseph Muscat

Eve Borg Bonello
Eve Borg Bonello

Eluf ta' persuni nġabru fil-Belt Valletta għall-protesta kontra l-korruzzjoni, bil-ħames kelliema, isejħu għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Insistew li Malta tilfet il-fiduċja f'Joseph Muscat waqt li ddeskrivewh "mafjuż," "korrott" u "assassin."

Eve Borg Bonello - 'Joseph Muscat ħalliel għax seraqli l-futur'

Eve Borg Bonello, studenta ta' 16-il sena, iddeskriviet lil Muscat bħala "ħalliel" u akkużatu li seraq il-futur tagħha u ta' żgħażagħ oħra. "Sraqtilna l-Daphne," kompliet takkużah.

"Lil Daphne qtiltuha intom, inti u l-klikka korrotta tiegħek għax Daphne kellha raġun," għajtet kommossa. "Wiegħdtuna l-aqwa żmien u waqqajtuna fl-agħar kriżi Kostituzzjonali. Għidtulna li Malta Tagħna Lkoll u għentu fil-qtil ta' ċittadina tagħna stess."

Waqt li appellat lill-Prim Ministru biex jirriżenja minnufih, saħqet li toħlom b'soċjetà fejn Malta ma jkollix għaliex terġa' tqum biex tiddeffenti d-drittijiet tagħha.

Ranier Fsadni - 'Serraħ lil Malta u itlaq issa'

Ranier Fsadni, lettur tal-Università ta' Malta saħaq li Malta ma għandhiex fiduċja fil-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li insista li l-pajjiż għandu bżonn Prim Ministru li huwa fidil għall-Kostituzzjoni.

"Serraħ lil Malta u itlaq issa mhux xahar ieħor. Serraħ moħħ lil min irid jidħol warajk f'Kastilja li jrid inaddaf it-tkissir li se tħalli warajk," saħaq Fsadni.

Serraħ lil Malta u itlaq issa mhux xahar ieħor. Serraħ moħħ lil min irid jidħol warajk f'Kastilja li jrid inaddaf it-tkissir li se tħalli warajk Ranier Fsadni

Kompla jinsisti li mhuwiex minnu li l-Prim Ministru spiċċa tradut minn Keith Schembri u Konrad Mizzi għax fi kliemu lanqas it-tfal ma jemmnu l-ħrejjef ta' Konrad Mizzi.

"Jekk verament emmint ħrafa bħal dik (it-tweġiba ta' Mizzi għal 17 Black) kif jista' jkollna fiduċja fik," insista Fsadni. "Irriduk titlaq illum qabel għada," kompla jisħaq il-lettur waqt li fakkar li fil-15 ta' Diċembru, Muscat se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Mark Anthony Sammut - 'Muscat postkom fuq siġġu fid-depot"

Mark Anthony Sammut, politiku, appella lid-Deputati tal-Gvern u l-membri tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u fakkarhom li kull ġurnata li Muscat qed jibqa' fil-poter, qed jagħmel dan bil-barka tagħhom u għalhekk akkużahom bħala kompliċi wkoll u insista magħhom li se jibqgħu mċapsa "bil-ħmieġ," ta' Keith Schembri.

Ma aħniex nirrikonoxxuk bħala l-Prim Ministru tagħna Mark Anthony Sammut

"Kollha kemm intom istħu. Int ukoll Evarist Bartolo, Chris Fearne, Miriam Dalli, Julia Farrugia Portelli ... mhux metafori rridu jew xi selfie biex tidhru ħelwin għat-tellieqa tal-leader, imma fatti," kompla Sammut. "Ħaġa waħda għandkom x'tagħmlu. Aqbduh minn għonqu u xkanawh 'il barra."

Kien hawn li saħaq li post Muscat mhux Kastilja imma "fuq siġġu tad-depot" biex iwieġeb, fosthom għaliex jumejn qabel l-assassinju ta' Daphne, waqt li kien ma Chris Cardona, "ħassu ħażin."

"Illum il-kredibilità tiegħek hija żero. Ħadd ma għadu jemmnek," insista Mark Anthony Sammut. "Ma aħniex nirrikonoxxuk bħala l-Prim Ministru tagħna," waqt li saħaq li għal ħafna, se jibqa' biss Joseph Muscat li jgħatti xtur il-korrotti.

Il-Professur Arnold Cassola wkoll jingħaqad mal-protesti
Il-Professur Arnold Cassola wkoll jingħaqad mal-protesti

Temm jisħaq li biex Malta tibda t-triq tal-fejqan, Muscat irid jitlaq immedjatament.

Rachel Williams - 'Kollha kemm huma kompliċi'

Rachel Williams, saħqet li l-Kabinett u l-Grupp Parlamentari kollu tal-Gvern huwa ħati waqt li insistiet li mhux biżżejjed li jiktbu fuq il-midja soċjali.

Prim Ministru int kompliċi. Kieku għamilt xogħlok tliet snin ilu ... kieku Daphne Caruana Galizia għadha magħna llum. Idejk imċappsa bid-demm tagħha Allessandra Dee Crespo

Waqt li fakkret fl-elezzjoni għall-mexxej ġdid Laburista, insistiet li dan ma għandux ikun magħżul minn Muscat jew xi ħadd li "qalbu ħarqitu" issa.

"Ir-riżenji mhux biżżejjed," insistiet, bil-folla taqbad tgħajjat "ħabs," b'Williams tappella lill-Pulizija biex tfittex fil-karti u l-laptops ta' Muscat, Schembri, Mizzi u oħrajn.

Irringrazjat lil Jonathan Ferris u anke lil Maria Efimova, il-whistleblower ta' Daphne fil-każ tal-kumpanija fil-Panama Egrant u fost diversi avukati, anke lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, bil-folla tinfexx tgħajjat: "Simon, Simon."

Allesandra Dee Crespo - 'Fossa sħiħa ta' żibel u ħmieġ f'Kastila'

Allesandra Dee Crespo fakkret fl-intervista tal-Prim Ministru ma' John Sweeney u saħqet li Muscat kien wiegħed li jirriżenja jekk tinstab 'farka' biss ta' evidenza.

Kien hawn li saħqet li mhux farka hemm imma "fossa sħiħa ta' żibel u ħmieġ," waqt li insistiet li Muscat kollox kien jaf, inkluż il-ħbiberija ta' Keith Schembri ma' Melvin Theuma, l-allegat intermedjarju fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

"Vera kien taħt arrest Keith Schembri jew kienet xi messa in scena oħra? X'kontu qed tagħmlu lejl sħiħ fid-dar tiegħek qabel ġie arrestat?," kompliet tistaqsi. "Prim Ministru int kompliċi. Kieku għamilt xogħlok tliet snin ilu ... kieku Daphne Caruana Galizia għadha magħna llum. Idejk imċappsa bid-demm tagħha."

Kompliet tistaqsi jekk Muscat hux qed jibża' jirriżenja għax inkella jispiċċa investigat ukoll.

Dwar is-sondaġġi ppubblikati llum dwar id-distakk politiku u l-popolarità tal-mexxejja, Dee Crespo saħqet li dawn juru biss li s-segwaċi ta' Muscat japprovaw assassinju.

 

More in Politika