Aġġornata | Keith Schembri jirriżenzja minn Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Keith Schembri interrogat fid-Depot, għalkemm mhuwiex ċar fuqhiex...

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu u dan kien ikkonfermat mill-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu.

F'kummenti f'Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Schembri tkellem miegħu fl-aħħar jiem u kkonferma li lbieraħ saret laqgħa bejniethom li fiha Keith Schembri informa lill-Prim Ministru li se jirriżenja.

Intant, Keith Schembri mistenni jkun mitkellem mill-Pulizija fil-ħin li ġej u dan wara li skont diversi rapporti, Yorgen Fenech semma għal aktar minn darba liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri matul l-investigazzjoni u dan b’rabta ma’ każi ta’ korruzzjoni.

Fil-kummenti tiegħu lill-midja, inkluż dik internazzjonali, il-Prim Ministru rringrazzja lil Schembri għas-servizz tiegħu filwaqt li saħaq li ħa din id-deċiżjoni minn jheddu biex il-pajjiż ikun jista’ jimxi ‘l quddiem b’mod seren.

“Nemmen li kellu rwol kruċjali,” saħaq Muscat waqt li ħabbar li ċ-Chief of Staff il-ġdid se jkun Mark Farrugia.

Il-Prim Ministru qal li se jkun qed jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet importanti, inkluż “fis-sigħat u fil-ġimgħat li ġejjin,” waqt li saħaq li l-pajjiż bħalissa għandu bżonn is-serenità u anke l-istabbilità tat-tmexxija tiegħu.

Saħaq li se jkun qed jieħu l-parir li tawh numru ta’ persuni biex ma jitkellimx waqt li għaddejja l-investigazzjoni, madanakollu qal li meta tagħlaq l-investigazzjoni se jkun qed jagħti rendikont tad-deċiżjonijiet, li fi kliemu, ħa waħdu.

‘Jiddispjaċik li ma staqsejtx lil Keith dwar in-negozju tiegħu?” Reuters lill-PM

Ġurnalist ta’ Reuters staqsa lill-Prim Ministru jekk jiddispjaċihx li qatt ma staqsa lil Keith Schembri dwar in-negozju tiegħu, inkluż meta ħarġet l-aħbar dwar il-kumpanija 17 Black.

Muscat wieġeb biss li filli qed ikun ikkritikat għax qed jilgħab rwol ta’ investigatur u filli qed ikun ikkritikat għax mhux qed jistaqsi jew iwieġeb mistoqsijiet.

“Jiena ċert li l-informazzjoni kollha hija disponibbli għand l-investigaturi,” saħaq il-Prim Ministru.

Muscat se jirriżenja? ‘Se nkun qed nagħmel kunsiderazzjonijiet wara li jintemm il-każ’

Mistoqsi hux se jirriżenja, il-Prim Ministru qal li l-irwol tiegħu bħalissa huwa li li jara lill-pajjiż ikollu tmexxija stabbli f’dan iż-żmien kruċjali.

Huwa saħaq li wara li jintemm dan il-każ u jitressaq “persuna jew persuni,” se jkun qed jagħmel il-kunsiderazzjonijiet tiegħu.

Fakkar li huwa diġà qal li mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

X'ġara fl-aħħar sigħat? X'jista' jiġri llum?

Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija interrogat għadd ta’ persuni oħra.

Illum waranofsinhar jiskadu mill-ġdid it-48 siegħa li fihom persuna tista’ tinżamm arrestat. Dan ifisser li Yorgen Fenech jew jittella’ l-Qorti llum jew inkella jerġħa’ jingħata l-Police Bail (ħelsien mill-arrest anke jekk taħt sigurtà stretta).

Ilbieraħ waranofsinhar, l-intermedjarju fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ngħata l-maħfra Presidenzjali.

X’inhi 17 Black? Keith Schembri kif jidħol?

  • F’Diċembru tal-2015 – Nexia BT tipprova tiftaħ kontijiet bankarji fil-Bahamas għal Tillgate u Hearnville​
  • Caruana Galizia tiżvela li Tillgate u Hearnville huma kumpaniji fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri
  • Email mibgħuta minn Carl Cini ta' Nexia BT tgħid li dawn il-kumpaniji se jiġġeneraw $2 miljun f’sena
  • Dawn il-flus kellhom jaslu mingħand il-kumpaniji 17 Black Macbridge
  • Ftit xhur qabel, 17 Black irċeviet $1.6 miljun
  • $200,000 rċeviethom mingħand l-aġent lokali tat-tanker tal-LNG
  • $1.4 miljun mingħand il-kumpanija Mayor Trans li s-sid tagħha hu mill-Ażerbajġan
  • Fi Frar tal-2016 - jieqfu t-tentattivi biex jinfetħu l-kontijiet – Daphne ssemmi għall-ewwel darba l-kumpaniji
  • Ikun żvelat li s-sid ta’ 17 Black huwa Yorgen Fenech, direttur tal-kumpanija Electrogas li bniet u qed tmexxi l-power station.

Keith Schembri ma ċaħadx li kien jaf bil-kumpanija 17 Black, li tagħha Yorgen Fenech huwa s-sid, anzi qal li din, flimkien mal-kumpanija Macbridge, li s-sid tagħha għadu mhux magħruf, kienet parti mill-pjan tiegħu tan-negozju.

Ir-risposta, kelma b'kelma ta' Keith Schembri kienet din:

"17 Black and MacBridge were included in draft business plans for my business group as potential clients. My companies make dozens of business plans such as these. However, it is a fact that neither 17 Black nor MacBridge ever became clients of my business group, and no transactions were ever recorded with these companies, or with me personally. I have no knowledge of the transfers referred to, nor any knowledge of the alleged payment."

More in Politika