Aġġornata | 'Il-Pulizija fadlilha aktar mistoqsijiet x'tistaqsi lil Fenech' - PM

Mistoqsi x'jagħmel jekk anke Yorgen Fenech jitlob maħfra Presidenzjali, Muscat qal li hu jagħmel dak kollu neċessarju

Dwar l-aħħar żviluppi fil-każ ta’ Yorgen Fenech, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li meta persuna titressaq il-Qorti, il-Pulizija ma jkollix dritt tkompli tinterroga lis-suspettat. Fi kliemu, huwa ċar, li l-Pulizija fadlilha aktar mistoqsijiet x’tistaqsi lil Fenech.

“Il-każ huwa wieħed maġġuri. L-investigaturi ħassew li għandhom bżonn aktar ħin u jistaqsu aktar mistoqsijiet,” insista Muscat.

Mistoqsi x'jagħmel jekk anke Yorgen Fenech jitlob maħfra Presidenzjali, kif għamel l-allegat sensar, Muscat qal li hu ma jrid jgħatti lil ħadd u jagħmel dak kollu neċessarju.

Dwar l-aħħar żvilupp u informazzoni li għandu, Muscat kompla jgħid li bħalissa għadha għaddejja l-analiżi tax-xhieda u l-informazzjoni kollha li qiegħed jagħti l-allegat sensar f'dan il-każ.

Insista li din l-informazzjoni qed tkun analizzata b'mod metikoluż ħafna "u mhijiex kwistjoni li tista' tingħalaq fi ftit sigħat," insista Muscat.

'Dak li seħħ l-Erbgħa filgħodu wassal biex il-Pulizija tieħu passi ta' prekawzjoni u għalhekk il-Pulizija stakkat mekkaniżmu ieħor," qal il-Prim Ministru waqt li insista li din ma kinitx l-għażla favorita tagħhom. Madanakollu, saħaq li l-investigaturi jafu x'qed jagħmlu.

Dwar il-fatt li l-allegat sensar iddaħħal l-isptar, il-Prim Ministru qal li ma jafx u ma għandux ikun jaf x'inhi r-raġuni. Madanakollu jinsab infurmat li mhijiex xi ħaġa maġġuri.

Mistoqsi jekk hux qed ikunu investigati persuni oħra li jistgħu wkoll jingħataw proklama, Muscat qal li huwa prematur ħafna iżda insista li sa issa, quddiemu, għandu talba għal maħfra Presidenzjali waħda.

More in Politika