Qtil Daphne | Il-PM jaqbel mal-maħfra Presidenzjali jekk 'l-intermedjarju' l-ewwel jikxef l-informazzjoni

Muscat insista li l-maħfra Presidenzjali ma tistax tingħata jekk ma jkunx magħruf eżatt x’informazzjoni u evidenza għandha din il-persuna

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkommetta ruħu li jirrakkomanda l-maħfra Presidenzjali jekk l-allegat intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia l-ewwel jikxef dak kollu li jaf u jagħti l-evidenza li allega li għandu.

Muscat qal dan f’Kastilja fejn spjega kif iffirma ittra li permezz tagħha kkommetta ruħu li jirrakkomanda l-maħfra Presidenzjali jekk is-suspettat jikxef l-informazzjoni.

Huwa kkonferma li l-Pulizija, f’operazzjoni kkoordinata mal-Interpol, arrestat xi persuni, fejn raġel minnhom, allegatament huwa mdaħħal fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Din l-operazzjoni kienet dwar ħasil ta' flus.

Ikkonferma wkoll li l-avukati tar-raġel qed jitolbu li jingħata l-maħfra Presidenzjali biex imbagħad, l-allegat intermedjarju, jikxef l-informazzjoni kollha, hekk kif wara xi ħin fl-interrogatorju, qal li għandu informazzjoni importanti dwar dan il-qtil li waqqaf pajjiż.

Madanakollu, Muscat qal li tkellem mal-investigaturi u anke mal-Avukat Ġenerali u kkonkludew li din ma tistax tingħata jekk ma jkunx magħruf eżatt x’informazzjoni u evidenza għandha din il-persuna.

"Tajt mandat lill-Avukat Ġenerali u nnegozjajna flimkien mal-Avukati ta' din il-persuna biex nagħmlu pass, jien naħseb bla preċendent, fejn jiena ffirmajt ittra li permezz tagħha jiena tajt l-assigurazzjoni li kemm-il darba tingħata l-informazzjoni  u l-provi kollha li din il-persuna qed tgħid li għandha, u dan ikun jista' jiġi kkoraborat fil-Qorti, jiena se nkun qiegħed nirrakkomanda li din il-persuna tingħata l-maħfra Presidenzjali," spjega l-Prim Ministru Muscat.

'Għandi nerfa' din ir-responsabbilità waħdi'

Kompla jispjega li ħa din id-deċiżjoni waħdu, jiġifieri mhijiex deċiżjoni li se tkun diskussa jew deċiża fil-Kabinett.

"Nemmen li anke minħabba preċedenti oħra li kien hemm fil-każi ta' maħfriet Presidenzjali, nemmen li għandi nerfa' din ir-responsabbilità waħdi," insista Muscat.

'Il-każ mhuwiex magħluq ... il-persuna tinsab taħt protezzjoni stretta'

Temm jappella lill-mezzi tax-xandir biex iżommu prudenza.

"Il-każ mhuwiex magħluq. Fadal numru ta' jiem biex din il-persuna tkun mitkellma mill-Pulizija. Din bħalissa tinsab taħt protezzjoni stretta ħafna," kompla jinsisti l-Prim Ministru.

More in Politika