Resqin lejn il-verità? L-aġent fil-qtil ta' Daphne arrestat u qed jitlob maħfra Presidenzjali biex jikxef

Nhar il-Ħamis kien arrestat dak li huwa suspettat illi hu l-aġent fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

L-aġent intermedjarju (middleman) fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kien arrestat nhar il-Ħamis wara rejd fuq ċirku ta' ħasil ta' flus li r-raġel kien parti minnu.

Dan ir-raġel li huwa mifhum li kien l-aġent f'wieħed mill-agħar qtil fl-aħħar snin qed jitlob għal maħfra Presidenzjali biex jikxef min qatel lil Daphne Caruana Galizia.

Apparti dan, hu mifhum li l-Pulizija għandha aktar suspettati. 

Jidher, skont rapport fuq it-Times of Malta dalgħodu, illi l-kundizzjnijiet ta' din il-maħfra qed ikunu diskussi bejn il-Pulizija, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Avukat Ġenerali. 

L-istess rapport jgħid illi l-Europol ġabret xi apparat mingħand l-istess aġent wara li kienu mitlubin jagħmlu dan mill-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta fir-rigward tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Il-Europol qed tittama li f'dan l-apparat jinstab ukoll xi ħjiel fir-rigward tal-assasinju tal-ġurnalista f'Ottubru tal-2017.

Intant dalgħodu wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat irreaġixxa u qal illi filwaqt li lest jikkunsidra maħfra Presidenzjali, l-ewwel dan l-aġent intermedjarju jeħtieġ illi jgħid x'evidenza għandu. Ara hawnhekk x'qal il-Prim Ministru

More in Kronaka