Inawgurat wind park fil-Montenegro li kien l-ewwel investiment tal-Enemalta barra minn Malta

Dan jinvolvi 23 turbina tar-riħ mifruxa fuq 13-il kilometru ta’ art u sar b'valur ta' €90 miljun

Il-kumpanija Enemalta, permezz tas-sħubija tagħha ma’ Shanghai Electric Power, inawgurat il-proġett ta’ enerġija mir-riħ li sar fil-Montengero.

Dan il-wind park huwa l-ewwel investiment Malti lil hinn minn pajjiżna fil-qasam tal-enerġija u jinvolvi 23 turbina tar-riħ mifruxa fuq 13-il kilometru ta’ art.

Il-proġett għandu valur ta’ €90 miljun.

Il-proġett ta’ 46 megawatt tlesta fi tliet snin u, bil-ġenerazzjoni ta’ 112 gigawatt fis-siegħa ta’ elettriku nadif, se jkun qed jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija fil-Lvant tal-Ewropa.  

Waqt l-inawgurazzjoni tal-Mozura Wind Park, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru tal-Montenegro Duško Marković, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi fisser din l-okkażjoni bħala kisba importanti fil-viżjoni li fassal il-Gvern Malti.

“Poġġejna l-prijoritajiet tagħna fid-direzzjoni t-tajba u għamilna s-settur tal-enerġija bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija”, qal il-Ministru Mizzi.“Dan huwa mod ġdid ta’ kif Malta qed tistabilixxi kollaborazzjonijiet ta’ suċċess."

Il-Ministru kompla jgħid li dan il-proġett kienet importanti għall-ħidma bejn Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea u l-Montenegro bħala pajjiż li qed jaspira li jidħol fl-Unjoni Ewropea.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru f’din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela kif ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li taħt ir-responsabbilità ministerjali tiegħu kien beda dan il-proġett.

More in Politika