L-Imħallef Scerri Herrera tagħżel li ma tismax hi l-appell urġenti tal-ministri Scicluna, Mizzi u Cardona

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera hija oħt il-Ministru għall-Ambjent José Herrera

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera għażlet li ma tkunx hi li tisma’ l-każ urġenti li fetħu l-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona, għax ħuha huwa l-Ministru għall-Ambjent José Herrera.

Scerri Herrera kellha tisma’ l-appell li fetħu l-Ministri b’urġenza kontra d-deċiżjoni tal-Maġistrat Doreen Clarke li ddeċidiet li hemm biżżejjed bażi biex issir inkjesta kriminali dwar l-involviment tagħhom fil-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare.

F'seduti oħra, il-Ministri saħqu li l-kabinett huwa kollettivament responsabbli minn dan il-ftehim.

Din id-deċiżjoni tal-Maġistrat Clarke kienet tbiddel oħra tal-Qorti Kriminali mmexxija mill-Imħallef Giovanni Grixti li kien qal illi it-trasferiment ta' din il-proprjetà pubblika ma kienx ħaqqha tkun investigata għaliex "il-fatti miġjuba minn Repubblika huma kollezzjoni ta' opinjonijiet ġurnalistiċi, bloggs u opinjonijiet oħrajn li Repubblika amalgamat."

Madanakollu, il-Maġistrat Doreen Clarke saħqet li t-talba għandha tkun aċċettata fid-dawl ta’ evidenza ġdida.

Il-Ministri qed jinsistu li din id-deċiżjoni għandha tkun revokata minħabba diversi raġunijiet.

More in Politika