Scicluna, Mizzi u Cardona jappellaw biex il-Qorti ma tiftaħx inkjesta kriminali dwarhom

Huma qed jisħqu li dak li qed tgħid Repubblika huwa bbażżat biss fuq l-ispekulazzjoni

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona fetħu appell urġenti wara li l-Maġistrat Doreen Clarke ddeċidiet li hemm biżżejjed bażi biex issir inkjesta kriminali dwar l-involviment tagħhom fil-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare.

Din id-deċiżjoni tbiddel oħra tal-Qorti Kriminali mmexxija mill-Imħallef Giovanni Grixti li kien qal illi it-trasferiment ta' din il-proprjetà pubblika ma kienx ħaqqha tkun investigata għaliex "il-fatti miġjuba minn Repubblika huma kollezzjoni ta' opinjonijiet ġurnalistiċi, bloggs u opinjonijiet oħrajn li Repubblika amalgamat.

Madanakollu, il-Maġistrat Doreen Clarke saħqet li t-talba għandha tkun aċċettata fid-dawl ta’ evidenza ġdida.

Il-Ministri qed jinsistu li din id-deċiżjoni għandha tkun revokata minħabba diversi raġunijiet.

Huma qed jisħqu li meta bagħtet il-materja għandha Maġistrat ieħor, Clarke kienet qed tmur oltre mill-parametri tat-talba oriġinali li għamlet Repubblika, għax l-organizzazzjoni talbet biss deċiżjoni dwar jekk kienx hemm lok għal inkjesta jew le.

Argumentaw ukoll li t-talba kienet identika ma’ talba oħra li għamel l-istess grupp fuq l-istess tliet ministri u li l-Imħallef Giovanni Grixti ma kienx laqa’.

Skont il-Ministri, l-intenzjoni ta’ Repubblika kienet li jappellaw kemm jista’ jkun appelli sakemm jieħdu dak li jridu.

Scicluna, Mizzi u Cardona qed jiċħdu l-akkużi ta’ korruzzjoni u frodi u  qed jisħqu li dak li qed jgħidu Repubblika huwa bbażat biss fuq spekulazzjoni ppubblikata f’artikli, opinjonijiet u bloggs.

More in Qrati u Pulizija