Zammit Dimech qed jikkunsidra b'serjetà li jikkontesta għal Segretarju Ġenerali tal-PN

Jidher li Delia tkellem ma' Zammit Dimech biex jipprova joffrilu pożizzjonijiet oħra iżda Zammit Dimech irrifjuta

L-eks Ministru u Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech ikkonferma li għadd ta’ membri tal-Partit Nazzjonalista talbuh joħroġ għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u li qed jikkunsidra b'serjetà dawn it-talbiet.

Sorsi li tkellmu mal-MaltaToday jikkonfermaw li Zammit Dimech qed ikun imbuttat biex jieħu post Clyde Puli, li diversi huma dawk, inkluż fil-Grupp Parlamentari, li mhux kuntenti bih.

F’Mejju li għadda, il-gazzetta ILLUM irrapportat kif Clyde Puli jinsab fiċ-ċentru ta’ manuvri biex jitneħħa mill-kariga, anke jekk, kif qal mal-istess gazzetta, ħadd ma avviċinah biex iwarrab.

F’Lulju li għadda, l-ILLUM kienet reġgħet staqsiet lil Puli wara li rapport fuq The Times of Malta kien jgħid li hu mhux se jerġa’ jikkontesta. 

Min-naħa tiegħu, Puli kien insista ma’ dan is-sit li mhux se jabbanduna lill-PN u ddeskriva r-rapport fuq it-Times bħala “gidba.”

Intant, il-gazzetta MaltaToday kompliet tirrapporta kif Zammit Dimech qiegħed jikkampanja fost membri tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Tkompli tikkwota sorsi jgħidu li numru ta’ Deputati u membri tal-eżekuttiv tal-PN tkellmu ma’ Adrian Delia u offrewlu pjan biex jinbidlu figuri prominenti fil-PN li ħafna mhumiex kuntenti bihom.

Skont l-istess gazzetta, Delia stess tkellem ma’ Zammit Dimech fl-aħħar jiem bil-għan li jiddiskuti miegħu pożizzjonijiet oħra, iżda, dejjem skont is-sorsi, Zammit Dimech insista li se jkompli jiddiskuti mal-membri tal-PN biex jara jekk għandux biżżejjed appoġġ għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.

Zammit Dimech jidher li għamilha wkoll ċara ma’ Delia li jekk isir Segretarju Ġenerali ma kienx se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali u li jżomm il-kariga sa ftit xhur wara l-elezzjoni, ikun xi jkun ir-riżultat.

More in Politika