Filmat | Ministri Ewropej jaqblu fuq sistema għall-iżbark u r-rilokazzjoni tal-immigranti

Il-ministri barranin saħqu li jridu jgħinu pajjiżi bħal Malta biex ma jerfgħux waħedhom il-piż tal-immigrazzjoni

Intlaħaq qbil bejn il-ministri tal-intern ta’ ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, dwar sett ta’ arranġamenti deskritti bħala “prevedibbli u strutturali” għall-iżbark u r-rilokazzjoni tal-immigranti.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem is-summit ministerjali li sar fil-Forti Sant’Anġlu u li għalih attendew il-ministri għall-intern ta’ Malta, l-Italja, Franza, l-Ġermanja u l-Fillandja u li issa jidher li jinsabu flimkien fil-ħidma dwar il-qsim tar-responsabbilità fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Il-ministri barranin saħqu li jridu jgħinu pajjiżi bħal Malta biex ma jerfgħux waħedhom dan il-piż tal-immigrazzjoni.

Id-dokument li se jitħejja bejn dawn il-pajjiżi se jkun qiegħed jiġi ppreżentat lill-bqija tal-ministri għall-intern tal-pajjiżi l-oħra membri nhar it-8 ta’ Ottubru, meta ssir laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewoprea għall-ministri kollha tal-intern. Dan bil-għan li aktar stati membri jaċċettaw u jidħlu f'dan il-ftehim.

Mal-ministri, kien hawn preżenti wkoll il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-immigrazzjoni Dimitros Avramopoulos.

Waqt li indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet, il-ministru tkellmu dwar dan is-summit bħala pass ‘il quddiem biex jintlaħaq qbil fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea, liema ftehim ikun wieħed permanenti u aktar prevedibbli.

“L-immigranti li jaslu Malta u l-Italja qed jaslu fl-Ewropa wkoll. Din hija l-perċessjoni taċ-ċittadini Ewropej. Għandna rieda qawwija li naħdmu flimkien,” saħqet Luciana Lamorgese, il-ministru ġdid Taljan.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia, f’kummenti mal-MaltaToday saħaq kif filwaqt li l-istati membri qed jirrifjutaw li jaqblu dwar mekkaniżmu li jaqsam il-piż bejn il-pajjiżi kollha membri, dan ġie diskuss ukoll waqt il-laqgħa, bit-tama li d-diskussjoni dwar dan tkun tista’ terġa’ ssir mal-pajjiżi kollha membri.

Avramopoulous, min-naħa tiegħu, tkellem dwar l-importanza li l-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea jiġu flimkien u jindirizzaw din is-sitwazzjoni biex pajjiżi bħal Malta u l-Italja ma jibqgħux jerfgħu waħedhom dan il-piż.

Aqra wkoll:

More in Politika