'Ieqfu kkundannaw lill-NGOs' - Attivisti jsemmgħu leħinhom waqt is-summit tal-ministri tal-intern

Illum diversi ministri tal-intern qed jiltaqgħu f'Malta għal summit dwar l-immigrazzjoni

Illum, il-Moviment Graffitti ngħaqad mal-missjoni Lifeline biex isemmgħu leħinhom kontra l-kriminalizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-tiftix u s-salvataġġ tal-immigranti.

Fil-fatt, il-Moviment Graffitti dendel strixxun fl-Isla, faċċata tal-Forti Sant’Anġlu biex iwasslu l-messaġġ tagħhom lil diversi Ministri tal-Intern li llum jinsabu Malta għal summit ta’ ġurnata dwar l-immigrazzjoni. Uħud mill-attivisti libsu wkoll ġkieket tas-salvataġġ.

Intant, fuq il-Funtana Tritoni, dalgħodu, kienu qed jipprotestaw ukoll tliet voluntiera mill-operazzjoni Lifeline. 

Fuq Facebook, Graffitti fakkru li madwar 900 persuna tilfu ħajjithom fil-Mediterran matul din is-sena u fl-istess waqt, fi kliemhom, il-Gvernijiet Ewropej qed ifarfru mir-responsabbilità tagħhom fuq il-gwadji tal-kosta, fosthom dawk Libjani, “li jużaw metodi bħat-tortura.”

“Il-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea huma kompliċi,” saħqu l-attivisti.

Għalhekk huma qed jappellaw għal rotot siguri għal dawk li jkunu jridu jaħarbu l-persekuzzjoni u l-gwerer ta’ pajjiżhom, biex l-NGOs ma jibqgħux jiġu kkundannati għax isalvaw l-immigranti, li ssir ir-riforma tar-Regolamenti ta’ Dublun u biex jiġi fi tmiemu dak li huma qed isejħu bħala “l-ftehim tal-gwadji tal-kosta Libjani.”

More in Politika