Il-PD ifaħħar id-deċiżjoni tal-ERA biex ma jinqalgħux siġar qabel l-appell dwar is-Central Link

Il-PD jappella lill-Gvern biex jagħti aktar poteri lil ERA għax fi kliemu saret awtorità bla snien

Il-Partit Demokratiku faħħar id-deċiżjoni tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex ma jinħarġux permessi biex biex jinqalgħu siġar sakemm l-appelldwar il-proġett tas-Central Link jiġi deċiż.

Fi stqarrija, il-PD insista li li wieħed mill-akbar żbalji hu li meta ġiet imwaqqfa l-ERA, ingħatat ħafna anqas poter mill-Awtorità tal-Ippjanar.

“Għaldaqstant, għal darb’oħra, il-Partit Demokratiku qed isejjaħ lill-Gvern biex jipprovdi l-ERA b’aktar poteri, inkluż id-dritt tal-veto fuq kwalunkwe proġett. Bħalissa, l-ERA tista’ sempliċement tiġi injorata,” insista l-PD.

Godfrey Farrugia fakkar kif filwaqt li l-PD qed jopponi l-proġett tas-Central Link fil-forma preżenti tiegħu, fakkar li l-ERA trid li jitħawlu 1,649 siġra minflok dawk li se jinqalgħu

“It-talba tagħhom ġiet injorata favur li jiġu mħawlin inqas minn nofs (766 siġra),” qal Farrugia. “Ċar li l-ERA, li l-impjegati tagħha jagħmlu ħilithom għall-ambjent Malti, m’għandhiex l-awtorità u r-riżorsi biex tagħmel xogħolha sew. Ejja nagħtu appoġġ għal talbiet pożittivi, mhux ninjoraw u nfixklu.”

Fl-istqarrija kiteb ukoll Timothy Alden li insista li l-aħħar wegħda tal-Ministru Ian Borg m’hi xejn ħlief “attentat fjakk”biex jaljena l-pubbliku

“Qed juża l-magna propaganista tal-partit tiegħu, bi flus il-poplu. Irid jaljenana mill-protesta ta’ nhar is-Sibt 7 ta’ Settembru.  Sakemm ikollna garanziji li s-siġar imħawlin attwalment jikbru, ma nistgħux nieħdu pubbliċità propaganista bħal din bis-serjetà,” insista l-kandidat.

L-istqarrija temmet tgħid li s-siġġu wieħed li l-ERA għandha mal-mejda fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, u l-fatt li ma tistax tenforza jew twaqqaf proġetti qed jirriżulta f’sitwazzjoni fejn żviluppaturi qed jinjorawha u jisfidawha. 

“Malta għandha tippremja lil min jagħmel il-ġid u tikkastiga ‘l min jagħmel il-ħsara. Iċ-ċittadini jistħoqqilhom jgħixu f’ambjent san bi kwalità ta’ ħajja tajba issa u fil-futur,” temmet l-istqarrija.

Aqra wkoll:

Sondaġġ ILLUM | Maġġoranza jaqblu li l-proġett Central Link isir ... imma ħafna bla risposta

More in Politika