Sondaġġ ILLUM | Maġġoranza jaqblu li l-proġett Central Link isir ... imma ħafna bla risposta

L-Għawdxin, in-nisa u dawk b’edukazzjoni terzjarja l-inqas eċitati dwar il-proġett

Waħda mill-bosta nies, speċjalment nisa li ppropotestaw kontra dn il-proġett. In-nisa huma ħafna inqas pożittivi dwar ic-Central Link mill-irġiel
Waħda mill-bosta nies, speċjalment nisa li ppropotestaw kontra dn il-proġett. In-nisa huma ħafna inqas pożittivi dwar ic-Central Link mill-irġiel

Il-proġett tas-Central Link qajjem għagħa u kontroversja hekk kif irriżulta li numru ta’ siġar kienu se jinqalgħu biex jagħmlu l-wisgħa għat-triq kif fil-fatt qed jiġri f’diversi żoni madwar il-pajjiż. Huwa kkalkulat li b’kollox se jinqalgħu 439 siġra minħabba dan il-proġett, skont ukoll artiklu fuq il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd 28 ta’ Lulju mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi.

Il-proġett se jinkludi disinn u bini mill-ġdid tar-rotta li minn Ħ’Attard tieħdok sal-Imdina u se tkun twila 4.3 kilometri. Azzopardi qal illi bil-proġett se jiżdiedu 7.4 kilometri ġodda ta’ korsiji. Huwa qal illi se jiżdiedu wkoll 7.6 kilometri ġodda ta’ korsija għar-roti.

Dwar is-siġar, Infrastructure Malta sostniet li se jitħawlu 539 siġra indiġena f’din iż-żona biex meta jitlesta l-proġett ikun hemm total ta’ 285 siġra iktar milli hemm illum.

Naturalment dan ma kienx biżżejjed għal bosta li rħewlha fit-triq jippprotestaw kontra l-qtugħ ta’ iktar siġar. Il-probabbilità l-kbira hija li r-rabja dwar aktar siġar li se jinqatgħu u art agrikola li se tinbena huwa l-fatt li l-proġett tas-Central Link huwa biss wieħed minn ħafna illi fih in-natura se jkollha tagħmel spazju għall-infrastruttura.

Biss biss, numru ta’ siġar qed jinqatgħu f’Santa Luċija bħalissa wkoll u għalkemm qed ikun imwiegħed li se jitħawlu fil-viċinanzi, id-dehra ta’ iktar siġar jinqalgħu kompliet tirrabja lin-nies. Dan kollu, forsi flimkien mas-sentiment ġenerali li l-ambjent mhux prijorità għall-Gvern, ħoloq il-kritika u l-kontroversja madwar dan il-proġett. 

Kien hemm min qal, primarjament bdiewa li se jintlaqtu, illi l-proġett mhux neċessarjament hemm bżonnu u li hemm bżonn huwa pjan aħjar ta’ mmaniġġjar tat-traffiku.

Imma n-nies x’jaħsbu? Xi jridu? Wara li semgħu l-argumenti kollha li saru jemmnu li l-proġett għandu jsir jew le?

Hawn hija l-ewwel parti tas-sondaġġ xjentifiku li għamlet l-ILLUM u li jitratta l-Proġett tas-Central Link.

Waħda mis-siġar li qajmet l-għagħa
Waħda mis-siġar li qajmet l-għagħa

Maġġoranza jriduh isir... imma ħafna indeċiżi

Il-parteċipanti f’dan is-sondaġġ wieġbu din il-mistoqsija: Taħseb li l-proġett tas-Central Link bejn l-Imrieħel u Ħ’Attard għandu jkun implimentat?

Il-maġġoranza, jew inkella 51.6%, iridu li dan il-proġett isir. Minkejja dan, persentaġġ konsiderevoli ta’ parteċipanti f’dan is-sondaġġ, jiġifieri 28.8% ma kinux jafu jekk il-proġett għandux isir jew le. Kienu biss 19.5% tal-parteċipanti illi qalu li ma jaqblux li dan il-proġett isir.

Minkejja dawk li huma kontra dan il-proġett ma jgħoddux ħafna f’termini ta’ perċentwali kienu probabbilment ikunu ħafna inqas kieku ma qamitx il-kontroversja li qamet dwaru dan il-proġett partikolari.

Fil-fatt ftit li xejn qatt kien hemm protesti dwar proġetti ta’ toroq fl-aħħar snin, hekk kif ħafna mill-proġetti ma kinux jinvolvu twessigħ.

L-inqas favur: nisa, żgħażagħ, Għawdxin u b’edukazzjoni terzjarja

Issa ejja naqsmu n-numri skont il-ġeneru, l-età, il-ġeografija u l-livell ta’ edukazzjoni.

Minkejja li dawk favur huma f’maġġoranza f’kull grupp hawn imsemmi, il-persentaġġi jvarjaw biex il-proġett huwa l-inqas popolari fost in-nisa, dawk tal-etajiet bejn 18 u 35, l-Għawdxin u dawk b’edukazzjoni terzjarja.

Fil-fatt kienu 41% tan-nisa li qalu illi jaqblu mal-proġett u 23% li qalu illi ma jaqblux li għandu jsir. Għalkemm mhux f’maġġoranza dan huwa wieħed mill-ogħla persentaġġi kontra dan il-proġett f’dan is-sondaġġ.

Dan jista’ jindika li l-kampanja li saret dwar is-siġar waslet iktar jew kienet aktar effettiva man-nisa, riflessa wkoll fil-preżenza qawwija ta’ nisa fost dawk li pprotestaw kontra dan il-proġett. Ħafna nisa huma inċerti dwar il-proġett iżda, hekk kif 36% ma kinux jafu jekk il-proġett għandux isir jew le.

Minkejja li l-appoġġ għall-proġett kien konsiderevoli fost dawk bejn 18 u 35 sena, xorta kien fost l-inqas hawnhekk.

B’kollox 49% qalu li jaqblu, 21.4% qalu illi ma jaqblux u 29.4% ma kinux jafu jekk għandux isir il-proġett jew le.

Ġeografikament, u wieħed jifimha, l-Għawdxin huma l-inqas entużjasti għal dan il-proġett. Naturalment l-Għawdxin huma l-inqas li se jużaw din it-triq u allura 52.3% ta’ dawk li pparteċipaw fis-sondaġġ xjentifiku ma kinux jafu jwieġbu jekk għandux isir jew le. Dan huwa l-akbar perċentwal f’Malta ta’ parteċipanti li qalu illi ma jafux jaqblux jew le.

Xorta iżda dawk li jaqblu mal-proġett huma aktar b’36% filwaqt li dawk li ma jaqblux laħqu l-11.5%.

L-appoġġ huwa baxx ukoll fiż-żona tat-Tramuntana tal-pajjiż fejn 28.6% ma jaqblux mal-proġett, filwaqt li 38.7% jaqblu.

U finalment il-proġett huwa l-inqas popolari fost dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja fejn huma 43.7% li jaqblu illi l-proġett isir, dan filwaqt li huma 30.6% (l-ogħla persentaġġ għal-‘Le’) ta’ dawk b’edukazzjoni terzjarja li jemmnu illi l-proġett m’għandux isir.

L-irġiel, l-anzjani, tal-Kottonera u b’edukazzjoni sekondarja l-aktar illi jaqblu

Kif għidna diġà, il-proġett għandu l-appoġġ tal-maġġoranza f’kull grupp. Minkejja dan hemm gruppi ta’ parteċipanti fejn l-appoġġ huwa akbar.

Inqas nisa minn irġiel jaqblu mal-proġett, bi 62.4% tal-irġiel jaqblu li l-proġett għandu jsir. Dan huwa 22% iktar min-nisa. Huma biss 16% tal-irġiel li ma jaqblux mal-proġett filwaqt li 21.4% ma jafux.

L-aktar li jaqblu li l-proġett għandu jsir imbagħad huma dawk li għandhom aktar minn 65 sena, b’54.2%. It-tieni l-aktar huma dawk li għandhom bejn 51 u 65 sena bi 53%. Huma biss 18.5% u 21.5% ta’ dawk li għandhom aktar minn 65 sena u bejn 51 u 65 sena rispettivament li ma jaqblux illi l-proġett isir.

L-akbar appoġġ għall-proġett ġej min-Nofsinhar tal-Port u allura miż-żona tal-Kottonera u l-madwar. Hawnhekk, 61.3% jemmnu li l-proġett għandu jsir, l-ogħla persentaġġ minn fost kull grupp ta’ parteċipanti, filwaqt li huma 7% biss li ma jaqblux li għandu jsir il-proġett, l-inqas ukoll fost il-gruppi kollha ta’ parteċipanti.

Fiż-żona tax-Xlokk tal-pajjiż, l-appoġġ għall-proġett huwa għoli wkoll, bi 58.5% favur li jsir u 15% biss li huma kontra.

U finalment dawk l-aktar li jappoġġjaw dan il-proġett ġeneralment għandhom edukazzjoni sekondarja, hekk kif hawnhekk 56.7% tal-parteċipanti jaqblu mal-proġett filwaqt li huma 14.8% biss li ma jaqblux, ħafna inqas minn dawk li ma jaqblux u li għandhom edukazzjoni terzjarja. Persentaġġ ftit ogħla ta’ persuni li ma jaqblux mal-proġett huma dawk li għandhom edukazzjoni post sekondandarja, b’19.3%. Hawnhekk mill-ġdid iżda maġġoranza assoluta (52.3%) jaqblu  mal-proġett.

Dan is-sondaġġ sar bejn id-29 ta’ Lulju u t-2 ta’ Awwissu. Ipparteċipaw 549 persuna. Il-marġini ta’ żball huwa ta’ +/-5%.

Aqra wkoll is-sondaġġ dwar l-uzu tal-mezzi tat-trasport.

More in Politika