'Lesti nassistuh biex fl-aħħar jiskopri l-verità' - Tad-db dwar Azzopardi

Id-db Group ħareġ stqarrija oħra bied igiddeb lil Jason Azzopardi u jistiednu biex jiltaqgħu

Id-db Group reġgħu ħarġu stqarrija biex għat-tieni darba fi ftit jiem igiddbu lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar il-proġett tas-City Centre.

L-iżviluppatur insista li għall-kuntrarju ta’ dak li qal Azzopardi dan il-proġett mhux se jkun qed jiżdied fil-volum, anzi se jkun qed jonqos “sostanzjalment.”

Il-Grupp insista li t-torri tnaqqsulu żewġ sulari u żewġ sulari oħra mil-lukanda proposta.

Kompla jisħaq li ż-żona kollha quddiem il-bini militari, li mhux se jkun qed jitwaqqa’, tnaqqset ukoll b’madwar 6 metri, kif tnaqqas ukoll l-iżvilupp fuq żoni oħra fi Triq il-Professur Ganado, il-parkeġġ u anke ż-żona faċċata tal-housing estate.

Irrefew ukoll għall-kummenti ta’ Azzopardi meta qal li l-iskavar propost se jkun qed jhedded binjiet storiċi. “Din hija gidba oħra,” saħaq id-db Group.

Insista li mhux se jkun hemm u lanqas jista’ jkun hemm ħsara. Fi kliem il-grupp, ftit tagħrif “elimentari” dwar l-arkitettura u l-inġinerija turi dan.

“Ma għandnix minn xiex ninħbew jew nibżgħu,” saħqet l-istqarrija u kien għalhekk li reġgħu stiednu lil Jason Azzopardi biex jiltaqgħu miegħu.

“Lesti nassistuh biex fl-aħħar jiskopri l-verità," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika