Id-db Group igiddeb lil Azzopardi u jiċħad li qed jikkontempla reklamazzjoni tal-art

Azzopardi saħaq li l-materjal minn xogħlijiet ta’ skavar bħala parti mill-proġett City Centre se jmur  għar-reklamazzjoni tal-art fil-Bajja ta’ Ġorġ

Id-db Group ċaħad dak li qal id-Deputat Jason Azzopardi jiġifieri li l-materjal minn xogħlijiet ta’ skavar bħala parti mill-proġett City Centre, fuq l-art fejn kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) se jmur għar-reklamazzjoni tal-art fil-Bajja ta’ Ġorġ

“Din hija gidba totali. Il-proġett City Centre ma kkontemplax, mhux jikkontempla u lanqas mhu se jikkontempla xogħlijiet ta’ reklamazzjoni tal-art,” saħaq il-grupp.

Fit-tweġiba tiegħu, id-db Group insista li l-bini li kien jilqa’ l-Istitut għall-Istudji Turistiċi flimkien ma’ substation ta’ żmien il-gwerra l-bierda mhux se jkunu minsusa minkejja li sovritendenza tal-partrimonju kulturali ma’ wriet l-ebda oġġezzjoni

Il-Grupp saħaq li minħabba dawn l-inizjattivi li ħa biex jipproteġi patrimonju kulturali u soċjali kellu jwettaq bidliet fil-pjanijiet, inkluż fix-xogħlijiet tal-iskavar.

Insista li għall-kuntrarju ta’ dak li qal Azzopardi, l-iskavar qiegħed isir għall-preservazzjoni ta’ wirt storiku u kulturali.

Temm jgħid li dawn il-qlajjiet mhux jagħmlu l-ġid u huma intiżi biex jagħmlu biss ħsara fid-dibattitu dwar proġett ta’ €300 million li huwa l-akbar investiment privat propost minn investitur wieħed fl-istorja tal-pajjiż.

“Meta gideb bħal dan isir minn membru tal-parlament, in-natura insidjuża, perikoluża u anti-demokratika tagħhom tiżdied,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika