Jirriżenja t-teżorier tal-PN ... jiċħad l-allegazzjonijiet ta' qerq fil-vot tal-Eżekuttiv

David Camilleri jispjega kif waqt il-laqgħa ħadd ma qal lilu jew lil Stellini li huma ma kellhomx vot

It-teżorier tal-Partit Nazzjonalista David Camilleri ħabbar li qed jirriżenja mill-kariga tiegħu wara l-kontroversja li nqalgħet fl-aħħar jiem dwar il-vot tal-Kumitat Eżekuttiv.

F’post fuq il-midja soċjali, Camilleri ddikjara li qed jagħmel dan mhux għax ma għandux fiduċja fil-Kap Adrian Delia iżda minħabba l-fatt li hemm min qed jisħaq li hu mhux suppost ivvota nhar is-Sibt li għadda, meta ġie deċiż min se jieħu post David Stellini fil-Parlament.

“Naħseb li xi ħadd irid ikun responsabbli u allura jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan kollu. Wieħed jista’ jinterpreta l-fatt li jien ma kontx naf li ma kellix nivvota bħala nuqqas tiegħi, u allura qiegħed nirriżenja b’effett immedjat mill-kariga ta’ Teżorier tal-Partit Nazzjonalista,” insista Camilleri.

Insista li qabel l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt, kemm Kevin Cutajar kif ukoll Jean Pierre Debono ċempluli biex jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom għalfejn għandhom ikunu eletti u fi kliemu dan juri li ż-żewġ kandidati kellhom il-lista tal-votanti eleġibbli u li kienet tinkludi ismu u ta’ David Stellini.

Qal ukoll li waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv, kien wieħed minn dawk li pparteċipa fid-diskussjoni u f’diskors qasir spjega li bħala uffiċjal tal-Partit m’għandux jesprimi opinjoni jew jiddikjara kif ser nivvota, biex ma jinfluwenzax lill-membri l-oħra.

“Meta jien għedt li mhux ħa niddikjara kif ser nivvota, ħadd mill-81 ruħ oħra preżenti ma qalli li jien m’għandix vot,” insista Camilleri.

Qal ukoll li anke David Stellini tkellem fil-bidu tal-laqgħa fejn, wara li għamel ir-ringrazzjamenti tiegħu, stqarr li lest jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ President tal-Amministrattiv.

“Dan intlaqa’ b’akklamazzjoni u jidher li ħadd ma ġietu f’moħħu li dik il-kariga kienet marbuta mas-siġġu ta’ Membru Parlamentari. Dan juri li min qed jipprova jgħid li David għamel dan b’xi skop ħażin, huwa żbaljat għal kollox,” kompla jisħaq it-Teżorier.

Kien dan li wassal biex jisħaq li minħabba dan kollu: “jew (a) ħadd ma rrealizza li David Stellini u jien ma kellniex nivvutaw u allura altru milli saret b’xi mod malizzjuż jew (b) kien hemm min induna u ma tkellimx apposta biex jaqla’ dan kollu wara l-votazzjoni u jagħmel ħsara kemm jiflaħ lill-Partit,” insista t-Teżorier.

Temm jiddikjara l-lealtà tiegħu lejn il-Kap tal-Partit Adrian Delia.

Aqra wkoll:

More in Politika