Debono jgħid li hu vittma ta' dawk li qatt ma aċċettaw lil Delia bħala Kap

  • Jisħaq li mhux se jkun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari
  • Jiċħad li bagħbas il-lista ta' dawk eliġibbli biex jivvutaw fil-Kumitat Eżekuttiv
  • Isejjaħ bħala fabrikazzjoni l-allegazzjonijiet li hu talab żieda meta ċeda s-siġġu lil Delia

Jean Pierre Debono bagħat ittra lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex jisħaq li mhux se jkun qed jieħu s-siġġu Parlamentari u għalhekk mhux se jkun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari.

Wara l-aħħar kontroversji fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, wara l-vot tal-Kumitat Eżekuttiv, Debono kiteb ittra lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jinfurmah dwar id-deċiżjoni tiegħu u biex jiċħad li b'xi mod jew ieħor bagħbas ir-riżultat kif ġie allegat, inkluż minn Deputati.

Fl-ittra, Debono kiteb lil Delia u qallu: "Huwa ċar ferm aktar minn qatt qabel li l-istess grupp ta' nies li ma aċċettawx ir-riżultat demokratiku tal-elezzjoni tiegħek bħala Kap tal-Partit, illum għaddejin b'kampanja qalila biex jattakkaw u jiskreditaw lili personalment, għall-fatt li kont jiena li ċedejt is-siġġu parlamentari tiegħi biex inti tinħatar Kap tal-Oppożizzjoni."

Debono saħaq li kemm hu u anke Kevin Cutajar, il-kandidat li diversi Deputati tal-Partit Nazzjonalista xtaqu li jieħu s-siġġu ta' David Stellini, kellhom l-istess lista u ħadd ma oġġezzjona għall-ebda isem.

Spjega, fost oħrajn kif David Camilleri ngħata l-vot xhur ilu u qatt ma kien hemm notifika mill-President tal-Eżekuttiv biex il-vot tiegħu jitneħħa.

Huwa ċar ferm aktar minn qatt qabel li l-istess grupp ta' nies li ma aċċettawx ir-riżultat demokratiku tal-elezzjoni tiegħek bħala Kap tal-Partit, illum għaddejin b'kampanja qalila biex jattakkaw u jiskreditaw lili personalment

Insista wkoll li sat-30 ta' Mejju, meta nħarġet il-lista, David Stellini kien għadu Membru Parlamentari u għalhekk il-vot tiegħu kien għadu validu, peress li r-riżenja tiegħu kienet effettiva mill-Ġimgħa 31 ta' Mejju filgħaxija.

"Għalhekk hija gidba li jiena b'xi mod immodifikajt il-lista biex inżid xi ismijiet bil-vot," insista Debono.

Kompla jisħaq li sa dakinhar tal-votazzjoni ma kienx hemm oġġezzjoni għall-membri u l-President tal-Eżekuttiv mexxa din l-elezzjoni u għajjat lil kull membru wieħed wieħed.

"Jiena assolutament ma kelli x'naqsam xejn fil-proċess ta' din l-elezzjoni għal raġunijiet ovvji," insista Jean Pierre Debono.

Ċaħad ukoll li hu jew inkella Delia, ftehmu ma' kandidati tas-seba' distrett biex ma jikkontestawx għall-ebda co-option u anke ddeskriva bħala fabrikazzjoni l-allegazzjoni li hu kien talab żieda fil-paga meta ċeda s-siġġu tiegħu lil Adrian Delia.

"Dawn huma fabrikazzjoni ta' persuna li missha taf ferm aħjar u li qatt ma kellha tħalli rivalità distrettwali tqanqal allegazzjonijiet tant gravi u libellużi li huma għal kollox ineżistenti," insista Debono.

Temm jisħaq ukoll li minkejja li, fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista ma għadux jingħaraf insista li hu se jibqa' dispost u ta' servizz iżda insista wkoll li l-Partit għandu jwarrab minn ħdanu "kull element tal-politika tal-għira, tal-kilba tal-poter akkost ta' kollox u tal-mibgħeda li fnewh tul l-aħħar snin."

L-ittra li Debono kiteb lil Delia
L-ittra li Debono kiteb lil Delia

More in Politika