Mil-lum kulħadd jista' jiddeċiedi jagħżilx id-difna jew il-kremazzjoni

...dan ifisser ukoll li familja tista' tagħżel li żżomm id-dar l-irmied tal-qraba tagħha li jkunu mietu

Illum il-Parlament approva l-liġi li se tkun qed tippermetti li f’Malta ssir il-kremazzjoni.

Kienet il-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar li f’April li għadda ressqet l-ewwel abbozz ta’ liġi tagħha biex il-kremazzjoni tkun legalizzata u rregolata permezz ta’ liġi.

Fl-ewwel kummenti tagħha wara li din il-liġi daħlet fis-seħħ, Cutajar qalet li ressqet din il-liġi għax tħoss li wieħed għandu d-dritt jagħżel xi jsir b’ġismu wara mewtu.

Fi kliemha, dan kif il-pass naturali għal pajjiż li għażel li jkun liberali u progressiv.

“Is-soċjetà tagħna hi waħda miftuħa u li tħalli lil kull persuna tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha dwar ħajjitha – l-istess għandu jkun dwar mewtha,” qalet Cutajar.

Spjegat kif din il-liġi se tkun qed tassigura l-ogħla standards marbuta mal-kremazzjoni, bil-għan li dawn ikollhom l-inqas impatt ambjentali possibbli.

“Il-kremazzjoni hi soluzzjoni effiċjenti għal pajjiżi żgħar bħalna, li jbatu biex isibu spazju għal oqbra ġodda. Inħeġġeġ ukoll lill-applikanti biex issa jużaw l-aqwa teknoloġiji fl-operat tagħhom,” insistiet Cutajar.

Cutajar temmiet tgħid li issa tinsab ħerqana sabiex tara li l-Liġi dwar il-Kremazzjoni tibda’ tiġi implimentata fil-prattika, sabiex il-Maltin u l-Għawdxin tingħatalhom din l-għażla importanti.

Din il-liġi se tkun qed tippermetti wkoll li familji jagħżlu li jżommnu l-irmied tal-qraba tagħhom li jkunu mietu fid-djar.

F'intervista mal-gazzetta ILLUM, Rosianne Cutajar kienet saħqet li qed ikun imbassar li Malta jista' jkollha domanda minn Sqallija għall-kremazzjoni.

Apparti minn hekk, l-istess gazzetta kienet tkellmet ma' Johann Camilleri minn Camilleri Funeral Directors International, liema kumpanija, lura fl-2017, kienet diġà ssottomettiet applikazzjoni għall-bini ta’ krematorju fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Camilleri kien spjega kif kremazzjoni tista' tiġi tiswa aktar minn €750. Kien qal ukoll li spazju biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata huwa ideali biex fih jinbena l-ewwel krematorju f'Malta.

More in Politika