'Il-Pulizija ma kelliex bżonn rapport formali biex tieħu passi kontra l-aggressur'

Il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika tikkonferma li l-Pulizija ħadet passi kontra l-aggressur anke jekk il-vittma ma rrappurtatx

Il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u Vjolenza abbażi tal-Ġeneru, ikkonfermat li l-Pulizija ħadet passi fil-konfront tal-agressur li l-ġimgħa li għaddiet deher jifqa’ bieb ta’ ħanut fi Triq Biżazza tas-Sliema u jħebb għal mara li kienet fil-ħanut.

Fi stqarrija, l-Kummissjoni kkonfermat li l-Pulizija ħadet passi mingħajr ma ħadd għamel rapport formali l-għassa u dan skont il-liġi tal- Vjolenza Domestika u Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u anke skont  il-konvenzjoni ta’ Istanbul li Malta rratifikat fl-2014.

Il-Kummissjoni saħqet li m’hemmx bżonn li l-vittma ta’ Vjolenza Domestika tagħmel rapport biex il-Pulizija tinvestiga.

Mill-filmat li xxandar fuq il-midja soċjali deher ċar li kien hemm att ta’ vjolenza u li kienet qed tinkiser il-liġi.

Il-Kummissjoni qed tisħaq li l-ġbir tal-evidenza għandu jinġabar indipendentament mill-vittma għax ikun hemm ċirkostanzi fejn il-vittma tirrifjuta li tagħti l-evidenza tagħha anke fil-Qorti, li jista’ jirriżulta li l-każ jaqa’ minħabba nuqqas ta’ provi.

“Ma teżisti ebda riċerka li tgħid għaliex il-vittma  tirrifjuta li tagħti l-evidenza tagħha,  iżda nafu li jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn il-vittma tkun qed tiġi mhedda mis-sieħeb tagħha u tkun imwerwra minnu,” spjegat il-Kummissjoni. “Jista jkun il-każ ukoll, li jkun hemm membri oħra tal-familja li jkunu qed jagħmlulha pressjoni biex ma tkomplix bil-każ. Huwa għalhekk li m’għandniex inpoġġu aktar piż fuq il-vittma biex din tispiċċa terġa’ tmur id-dar u tpoġġi ħajjitha, u xi kultant ukoll ta’ wliedha fil-periklu.”

Il-Kummissjoni temmet tisħaq illi rapporti bħal dawn huma ir-responsabbiltà tas-soċjeta’ kollha għaliex il-vjolenza domestika hija offiża kontra s-soċjetà kollha u kull min jaf li qed isiru offiżi bħal dawn għandu jirraporta huwa nnifsu lill-pulizija,  dejjem b’kawtela għas-sigurtà ta’ kull min huwa involut.

Aqra wkoll:

Il-Pulzija jgiddbu stqarrija ta' grupp ta' għaqdiet dwar attakk ta' vjolenza domestika

More in Politika