Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea għall-Ġustizzja twaqqa' applikazzjoni tal-Bank Pilatus

Il-Bank Pilatus kien qed jisħaq li l-Bank Ċentrali Ewropew kisirlu d-drittijiet tiegħu

Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea għall-Ġustizzja waqqgħet applikazzjoni tal-Bank Pilatus kontra l-Bank Ċentrali Ewropew minkejja li kien qed jisħaq li nkisrulu d-drittijiet tiegħu.

Il-bank kien applika biex tkun annulata d-deċiżjoni li kull kommunikazzjoni bejn il-Bank Pilatus u l-ECB issir permess ta’ “persuna kompetenti” appuntata mill-MFSA f’Marzu li għadda biex tieħu f’idha t-tmexxija tal-Bank li tilef il-liċenzja s-sena li għaddiet.

Lawrence Connell, eks regolatur finanzjarju tal-Istati Uniti kien inħatar mill-MFSA biex jieħu f’idu t-tmexxija tal-bank wara l-arrest tas-sid Ali Sadr Hasheminejad fl-Istati Uniti fejn qed ikun akkużat b’ħasil ta’ flus u li kiser sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti fuq l-Iran.

It-Times of Malta rrappurtat li t-talba ta’ Pilatus waqgħet wara li l-Qorti tal-Unjoni Ewropea għall-Ġustizzja ddeċidiet li l-bank ma pprovdix biżżejjed evidenza biex japprova li l-ECB irrifjuta li kommunika direttament mal-bank jekk din il-kommunikazzjoni ma tkunx għaddiet l-ewwel minn Connell jew inkella kkommunikata mingħajr l-approvazzjoni tiegħu.

Il-Qorti ddeċidiet li xejn ma jagħti x’jifhem li l-ECB kienet se tirrifjuta kommunikazzjoni diretta mill-Bank Pilatus.

Għalfejn ittieħdet il-liċenzja tal-bank?

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew kien iddeċieda li jirrevoka l-liċenzja tal-Bank Pilatus fil-5 ta' Novembru tas-sena li għaddiet.

L-MFSA kienet ħadet l-ewwel passi kontra l-Bank Pilatus wara li s-sid tal-Bank, Ali Sadr Hasheminejad, kien arrestat fl-Istati Uniti.

L-akkuża ddur ma’ żewġ kumpaniji li Hasheminejad ħoloq biex allegatament jgħattu l-fatt li parti mill-flus li kienu deħlin fihom kienu qed imorru għand kumpaniji jew persuni Iranjani, kontra l-liġi tal-Istati Uniti.

Skont prosekuturi Amerikani, il-kumpanija tal-enerġija fil-Veneżwela PDVSA daħlet f’kuntratt ta’ $476 miljun mal-Iranian International Housing Corporation, kumpanija inkorporata fl-Iran minn kumpanija tal-kostruzzjoni Iranjana li hija proprjetà tal-familja ta’ Sadr.

Fl-2010, Hasheminejad u missieru użaw passaporti ta’ St Kitts u Nevis u indirizz f’Dubaj biex jinkorporaw żewġ kumpaniji, Stratus International Contracting fit-Turkija u Clarity Trade and Finance fl-Iżvizzera.

Bejn April tal-2011 u Novembru tal-2013, saru madwar 15-il pagament, li jammontaw għal $115-il miljun mill-kumpanija PDVSA lil dawn iż-żewġ kumpaniji ta’ Hasheminejad u missieru.

Il-pagamenti saru f’kontijiet li Stratus u Clarity Trade and Finance għandhom f’diversi banek mifruxa.

Ħafna mill-fondi li waslu f’dawn il-kontijiet ġew trasferiti f’kumpanija fil-British Virgin Islands inkorporata minn Hasheminejad u oħrajn.

Skont il-prosekuturi, il-benefiċjarji ta’ dawn il-kumpaniji kienu individwi u entitajiet Iranjani.

Hasheminejad qed ikun akkużat b’konfoffa biex ikun frodat l-Istati Uniti, b’konfoffa biex jikser is-sanzjonijiet imposti fuq l-Iran mill-Istati Uniti, bi frodi tal-bank, b’konfoffa biex isir frodi tal-bank, b’ħasil tal-flus u b’konfoffa biex isir ħasil ta’ flus.

B’kollox, il-piena massima li jista’ jeħel hija dik ta’ 125 sena ħabs.

Minkejja dan kollu, il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li l-MFSA kienet ivverifikat il-kompetenza u l-integrità ta’ Hasheminejad qabel tagħtu l-liċenzja biex jiftaħ il-bank.

Aqra hawn l-istorja kollha tal-Bank Pilatus f'Malta u l-kontroversji li dawruh

More in Politika