'Int qed tirrekordja l-laqgħa bil-mowbajl?' - battibekki bejn Mario Galea u Comodini Cachia

Il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari kienet waħda taħraq b'ħafna battibekki, primarjament wieħed bejn id-Deputati Mario Galea u Therese Comodini Cachia....

Il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ta' nhar it-Tnejn kienet waħda taħraq b'diversi battibekki. L-aktar battibekk li forsi spikka, jista' jiżvela dan is-sit, huwa wieħed bejn Mario Galea u Therese Comodini Cachia. 

Sorsi differenti taw verżjonijiet differenti dwar min kien qed jilgħab bil-mobile imma jidher li kien Galea illi beda juża l-mowbajl waqt li kienet għaddejja l-laqgħa, b'Comodini Cachia ddur fuqu u tistaqsieh jekk hux qed jirrekordja dak li kien qed jingħad 

Minn hemmhekk qam battibekk bejn iż-żewġ deputati illi fih Galea qal lill-eks MEP tal-PN li xebgħet iddaħħak nies biha. 

Il-Grupp Parlamentari, minkejja diskussjoni twila, ma ħariġx stqarrija ta' fiduċja f'Adrian Delia. Dan kien mistenni hekk kif huwa magħruf li kważi l-maġġoranza tal-grupp mhux qed jappoġġja lill-Kap tal-PN. Fost dawn id-Deputati hemm Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami, kif ukoll ħafna minn dawk id-Deputati li sfidaw lil Delia fuq id-deċiżjoni tiegħu li jitlob lil Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari. Il-Kap tal-PN talab lil Busuttil jagħmel dan wara li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Maġsitrat Aron Bugeja dwar Egrant kienu ppublikati.

Jidher li minkejja mumenti ta' ċertezzza minn uħud, li se jittieħdu passi kontra Delia, inkluż li numru ta' Deputati jmorru għand il-President u jesprimu n-nuqqas ta' fiduċja f'Delia, ħadd ma ried jagħmel l-ewwel pass. 

Jidher li għalissa kollox se jkun pospost sa wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u wara r-riżultat ta' din l-istess elezzjoni. 

More in Politika