Aġġornata | Beppe u Jason fost dawk li qed jiltaqgħu ma' Deputati tal-PN biex Delia jitlaq

L-illum.com.mt tinsab infurmata li dawn diġa iltaqgħu ma' minn tal-inqas tliet deputati...

Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi
Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi

Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi huma fost id-Deputati Nazzjonalisti li qed jiltaqgħu mad-Deputati sħabhom biex ikellmuhom dwar Adrian Delia u s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista bħalissa.

Sorsi li tkellmu mal-illum.com.mt sostnew illi kemm Fenech Adami u anke Azzopardi qed jgħidu lid-Deputati li qed jiltaqgħu magħhom illi l-pożizzjoni ta' Adrian Delia bħala Kap tal-partit mhix aktar tenibbli. Huma qed isostnu dan wara filmati ta' argumenti fil-privat li Delia kellu ma' uliedu u martu li daru sew fuq il-midja soċjali.

Dan is-sit jinsab infurmat illi dawn it-tnejn diġa tkellmu mad-Deputati Mario Galea, Ivan Bartolo u Edwin Vassallo. Is-sors li tkellem ma' dan is-sit qal illi t-tmexxija tal-partit taf b'din is-sitwazzjoni wkoll.

Intant din il-gazzetta tista' tiżvela wkoll illi fl-aħħar sigħat dawn id-Deputati jew wieħed minnhom tkellmu mad-Deputati Toni Bezzina u Frederick Azzopardi. 

Dan is-sit jinsab f'pożizzjoni li jiżvela wkoll kif wieħed mid-Deputati li ġew mitkellma sfida lil Azzopardi bil-każ taż-żwieġ tiegħu illi spiċċa fuq il-midja wkoll, b'saħansitra mandat ta' arrest fil-konfront tiegħu, hekk kif kienet irrappurtat il-gazzetta oħt Maltatoday

Kien dan is-sit li din il-ġimgħa stess żvela kif hemm Deputati Nazzjonalist li lesti jiffirmaw kontra Delia u jieħdu l-firem tagħhom għand il-President tar-Repubblika jekk ikunu jiffurmaw il-maġġoranza tad-Deputati fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni, li ta min wieħed ifakkar jinkludu wkoll lit-tnejn tal-Partit Demokratiku.

Kienet il-gazzetta ILLUM ukoll li żvelat kif grupp ta' Deputati jridu li jqaċċtu lil Delia mill-kariga qabel Mejju u allura qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Huma qed jgħidu li s-sitwazzjoni tal-PN hija ħażina ħafna, bil-partit jibqa' minn taħt f'termini ta' popolarità.

 

More in Politika