'L-assi pubbliċi qed jiġu abbużati u l-wirt naturali tal-pajjiż qed jiġi sfruttat' - PD

Il-Partit Demokratiku jisħaq li l-Gvern ma għandu l-ebda liġi li tista' trażżnu

Il-Kandidat tal-Partit Demokratiku għall-Parlament Ewropew, Martin Cauchi Inglott, saħaq li l-assi pubbliċi qed jiġu abbużati u l-wirt naturali tal-pajjiż qed jiġi sfruttat.

Cauchi Inglott kien qiegħed jirreferi għall-proġetti kbar fosthom l-aħħar proġett li qed jimbotta ‘l quddiem il-Grupp Corinthia.

“Art pubblika u l-baħar qed jiġu amministrati daqs li kieku Malta kienet fewdu ggvernat bi dritt. M’hemm l-ebda liġi li qed trażżan lill-gvern,” saħaq il-Kandidat.

Dwar dan tkellmet ukoll il-kandidata Camilla Appelgren li insistiet li “t-trattament preferenzjali” li qed jingħata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja għar-reklamazzjoni tal-kosta jindika li dan l-Gvern “qed jirrombla fuq l-assi naturali tal-pubbliku.”

“Din il-ferneżija megalomanika ta’ torrijiet minn lukandiera li qed isiru żviluppaturi tal-propjetà tidher, fost oħrajn, f’Tigne Point Fortina, Manoel Island, kif ukoll ġo u madwar il-benniena tal-Bajja ta’ San Ġorġ. Kollha qed isiru bi prezzijiet taħt il-valur tas-suq f’negozjati li jidhru kemmxejn suspettużi li jmorru kontra l-interess pubbliku. Dan sar it-timbru ta’ gvern jaġixxi bla sens li ma jaħsibx fis-sostenibbiltà ta’ Malta,” kompliet il-kandidata.

Il-Partit Demokratiku temm jisħaq li huwa evidenti li dan il-gvern qed jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni, għax il-liġijiet tagħna m’għandhomx mekkaniżmu fihom biex jiżguraw korrettezza finanzjarja.

More in Politika