Rapporti li pajjiżi qablu li jaqsmu bejniethom l-immigranti jekk Malta tiftaħ il-portijiet

...iżda Salvini jibqa' jżomm sod u saħansitra jmeri lill-Prim Ministru tiegħu stess

Rapporti fuq midja Taljana qed jisħqu li għaxar pajjiżi Ewropej lesti jaqsmu bejniethom d-49 immigrant li ilhom 17-il ġurnata jistennew fuq il-baħar biex jingħataw port.

Skont siti tal-aħbarijiet Taljani, issa l-mazz jinsab b’idejn Malta hekk kif dawn il-pajjiżi lesti jilqgħu biss dawn l-immigranti jekk Malta taċċetta li tiftaħ il-portijiet tagħha.

Madanakollu, dejjem skont is-siti Taljani, il-Gvern Malti mhux lest jaċċetta li jdaħħal għandu d-49 immigrant jekk ma jintlaħaqx qbil ukoll biex jinqasmu l-249 immigrant li Malta aċċettat fl-aħħar ġimgħat.

Fost il-pajjiżi, li lesti jilqgħu dawn l-immigranti, hemm l-Italja, il-Ġermanja, Franza, il-Portugal, il-Lussemburgu, l-Olanda u anke r-Rumanija.

Salvini jmeri lill-PM tiegħu

Salvini jibqa' jżomm sodn u jisħaq li mhu se jaċċetta lill-ebda immigrant abbord is-Sea Watch
Salvini jibqa' jżomm sodn u jisħaq li mhu se jaċċetta lill-ebda immigrant abbord is-Sea Watch

Intant, l-istampa tiċċajpar xi ftit bil-kummenti tad-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini li lbieraħ filgħaxija, waqt il-programm 'Quarta Repubblika' fuq Rete 4, mar kontra dak li qal il-Prim Ministru Giuseppe Conte u insista li hu mhux se jaċċetta lanqas lin-nisa u lit-tfal u wisq inqas 15-il peruna.

Dan hekk kif ilbieraħ, Conte kien ikkwotat jgħid li jekk Malta tiftaħ il-portijiet, l-Italja lesta tilqa’ lit-tfal, lin-nisa u lil żwieġhom biex il-familji jibqgħu magħquda.

Iżda Salvini insista li ġaladarba dawn jaslu bil-baħar, hu mhux se jiċċaqlaq millimetru u mhu se jaċċetta lil ħadd.

Insista li hemm immigranti oħra, li fi kliemu qed jaħarbu vera mill-gwerra u li jaħarbu minn pajjiżhom permezz ta’ organizzazzjonijiet serji u jaslu l-Italja bl-ajruplan. Fi kliemu, lil dawn jilqagħhom b’idejh miftuħa.

“Għat-traffikanti aħna ngħidulhom daqshekk, ieqfu,” insista Salvini.

Intant fuq Twitter, kiteb ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li insista li l-interess nazzjonali għandu jkun poter u tattiċi ta’ bbuljar minn pajjiżi kbar ma jistgħu qatt ikunu aċċettati.

Madanakollu insista li l-persuni vulnerabbli, inkluż it-tfal, għandhom jingħataw l-għajnuna immedjatament.

More in Politika