'Adrian Delia jew ma qarax ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jew irid iqarraq'

Il-Ministru Ian Borg jisħaq li r-rapport tal-Awditur Ġenerali 'jerġa' jikkonferma l-ħtieġa għall-bini tal-power station'

Fid-dawl tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-bini tal-Power Station il-ġdida, illum wara nofsinhar, il-Ministru Borg u d-deputat Robert Abela indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg iddeskriva r-reazzjoni ta’ Adrian Delia fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali bħala waħda ‘dgħajfa’. Skont il-Ministru Borg, “Delia jew ma qarax ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jew inkella jrid iqarraq b’analiżi superfiċjali."

Apparti minn dan, il-Ministru saħaq li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jagħti jerġa’ jikkonferma mill-ġdid il-ħtieġa għall-bini tal-power station il-ġdida. “Ma nistgħu qatt norbtu l-provvista ta’ enerġija għalina fuq pajjiżi oħra," sostna l-Ministru Borg.

Żied jgħid ukoll li, "jekk wieħed iħares u jikkumpara il-prezzijiet attwali tal-produzzjoni tal-enerġija,  bejn il-prezz offrut mill-ElectroGas u dak tal-interconnector, il-prezz tal-ElectroGas huwa l-aqwa għażla."

Apparti minn dan, il-Ministru Borg għamel referenza lejn l-istatistika li ħarġet ilbieraħ mill-uffiċċji tal-istatistika tal-UE, Eurostat, li qalet kif, il-Maltin għandhom ir-raba’ l-orħos kontijiet tad-dawl fl-Unjoni Ewropea. Skont il-Eurostat, fl-aħħar snin, il-prezz raħas b’medja ta’ 23%, meta fil-bqija tal-Unjoni Ewropea d-dawl għola b’2.5%.

“Il-Poplu jista’ jara d-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Wieħed raħħas il-kontijiet għall-familji u n-negozji filwaqt li l-ieħor rid li l-familji u n-negozji jkomplu jħallsu kontijiet għoljin u li tibqa' topera l-power station li tniggeż l-arja,” irrimarka il-Ministru Borg.

More in Politika