Il-Maltin bir-raba' l-orħos kontijiet tad-dawl fl-Unjoni Ewropea

Skont il-Eurostat, fl-aħħar snin, il-prezz raħas b’medja ta’ 23%, meta fil-bqija tal-Unjoni Ewropea d-dawl għola b’2.5%

Skont ċifri tal-Eurostat, il-familji Maltin u l-Għawdxin għandhom ir-raba’ l-orħos kontijiet fl-Unjoni Ewropea u t-tieni l-orħos fiż-żona ewro wara l-Litwanja.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Enerġija fakkar li fl-2013 l-elettriku kien jiswa €0.166 kull kilowatt hour (kWh) u dak iż-żmien, il-prezz f’pajjiżna kien it-13 l-ogħla madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

L-istatistika turi li fl-aħħar snin, il-prezz raħas b’medja ta’ 23%, meta fil-bqija tal-Unjoni Ewropea d-dawl għola b’2.5% fl-aħħar ħames snin. B’dan ir-roħs pajjiżna rebaħ disa’ postijiet fil-klassifika tal-orħos prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa.

L-istatistika turi wkoll li qabel l-2013, il-prezz tal-enerġija għall-industrija f’Malta kien għola b’47% meta fl-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 24%. 

Konsegwentament, fl-2013, il-prezz tal-elettriku għall-industrija kien 28% ogħla mill-prezz medju madwar l-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar ħames snin, il-prezz tal-elettriku għall-industrija f’Malta raħas b’medja ta’ 25% filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea dan il-prezz naqas b’5% biss. 

Fl-istqarrija, il-Ministeru saħaq li “ir-roħs fil-prezz tal-elettriku hu wieħed mill-kawżi ewlenin tat-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna. Fl-istess ħin il-kumpaniji f’pajjiżna llum m’għadhomx ikollhom piż akbar minn kumpaniji Ewropej bil-prezz tal-enerġija.”

More in Politika